Jinqeda bl-okkult biex jistupra lil omm u oħt it-tfajla

  • Iż-żagħżugħ qed ikun akkużat ukoll li kien iġiegħel lil omm it-tfajla tiegħu u lil bintha l-oħra biex ikollhom x'jaqsmu flimkien
  • Id-Difiża tgħid li kellu jissejjaħ eżorċista fil-propjetà u waqt quddiesa taru l-affarijiet u nstemgħu ilħna

Yendrick Cioffi / 8 ta' Frar 2019 16:56
Żagħżugħ ta’ 18-il sena, tressaq il-Qorti akkużat li stupra lil omm u lil oħt it-tfajla, li t-tnejn li huma kienu deskritti fil-Qorti bħala nisa vulnerabbli.

Iżda l-każ huwa xi wieħed ftit jew wisq stramb. Skont dak li ntqal fil-Qorti, l-omm tipprattika l-okkult u ż-żagħżugħ kien daħlilha f’moħħha li fetħet il-bieb għax-xitan u kien jimmanipulaha billi jbiddel leħnu, u jagħtiha diversi ordnijiet biex jissodisfa x-xewqat sesswali tiegħu.

Iż-żagħżugħ, qed ikun akkużat li stupra żewġ persuni vulnerabbli, li kellu x’jaqsam ma’ persuna taħt l-età, li hija t-tfajla tiegħu, li kien qed iżomm lin-nisa kontra l-volontà tagħhom u li kkawżalhom ġrieħi ħfief, fost oħrajn.

L-akkużat, minn Bormla, wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

L-Ispettur Eman Hayman spjega kif kienet it-tfajla tal-akkużat li għamlet ir-rapport.

Spjega kif l-akkużat kien ilu minn Diċembru joqgħod magħha, fid-dar ta’ ommha fejn tgħix ukoll oħt iż-żagħżugħa. Hija kienet irrakkuntat kemm kien jistmaha ħażin u saħansitra jsawwatha.

Kompla jispjega f’aktar dettall, kif omm it-tfajla kienet tipprattika l-okkult. Skont it-tfajla, l-akkużat kien allegatament juża dan, biex iġiegħel lil omm it-tfajla tmur miegħu.

Spjega kif kien ibiddel leħnu biex jimmanipulaha u jordnalha tagħmel ħafna affarijiet, fosthom dawk seswali.

“Kien anke jordna lit-tifla biex tmur ma’ ommha,” spjega l-ispettur.

Id-Difiża titlob li l-vittmi jkunu eżaminati minn psikjatra

L-Avukat tad-Difiża, Jason Azzopardi, talab lill-Qorti biex tappunta psikjatra li teżamina lil allegati vittmi qabel jagħtu x-xhieda tagħhom, waqt li spjega kif waħda min-nisa kienet Monte Karmeli diversi drabi.

L-Avukat Kris Busietta kompla jispjega kif l-omm iddaħlet l-Isptar Monte Karmeli bejn 20 u 25 darba, anke jekk ma qalx għalfejn.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u saħqet li d-Difiża qed tipprova tintimida lix-xhieda biex tnaqqas mill-kredibilità tagħhom.

Il-Qorti ċaħdet din it-talba.

L-Ispettur Haymen talab li jkun appuntat espert tat-teknoloġija biex jippreserva kwalunkwe filmat li jista’ jkun hemm tal-allegat abbuż. L-Ispettur qal li waħda mill-vittmi qalet li l-akkużat kien ikun irid jiffilmja wħud mill-attivitajiet sesswali.

Azzopardi qal li d-Difiża ma tibżax mill-verità u għalhekk ma oġġezzjonax għat-talba tal-prosekuzzjoni.

'Eżorċista qaddes fid-dar...taru l-affarijiet u nstemgħu ilħna'

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest għax skont l-avukati qatt ma ltaqgħu ma’ każ simili. Azzopardi qal li hemm bżonn attenzjoni partikolari għal dak il-każ. Qal li saħansitra ssejjaħ eżorċista biex jiċċelebra Quddiesa fil-propjetà.

“Oġġetti taru u nstemgħu ilħna strambi,” qal Azzopardi waqt li insista li din tista' tkun il-kawża ta’ ħafna mill-feriti li kellhom il-vittmi.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-vittmi jingħataw il-protezzjoni.