'Bi swied ta' qalb ngħid li l-midja tal-Knisja hija żbilanċjata' - Dun Rene

Dun Rene Camilleri jiddeskrivi l-midja tal-Knisja bħala "paġna sewda"

Yendrick Cioffi / 7 ta' Frar 2019 12:02
L-eks Vigarju Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni, Dun Rene Camilleri, saħaq li meta wieħed jikkunsidra l-qawwa tal-midja llum, il-midja tal-Knisja hija "paġna sewda" għaliha. 

"Naħseb li strateġikament u pastoralment, dan huwa żball li ninsabu fih," saħaq Dun Rene.

Waqt il-programm Arena fuq One, li kien qed jiddiskuti l-aħħar stħarriġ tal-Kurja dwar l-attendenza tal-quddies, id-dikors waqa' wkoll fuq il-midja tal-Knisja, b'Dun Rene Camilleri jisħaq li l-midja tal-Knisja mhijiex bilanċjata.

"Ngħid dan bi swied ta' qalb," saħaq Dun Rene waqt li ma tantx deher fiduċjuż li l-affarijiet jistgħu jinbidlu

Preżenti għal dan il-programm kien hemm ukoll Karl Wright, li sa ftit tas-snin ilu kien Station Manager tal-RTK. Huwa saħaq li sakemm dam imexxi l-istazzjon hu, jiġifieri sa Marzu tal-2017, dejjem għamel sforz biex iżomm il-midja bilanċjata.

'X'sar wara li tlaqt jiena mhux se nikkummenta għax ma nsegwix. Għal ġid tiegħi stess ma nsegwix," saħaq Wright.

Fid-9 ta' April tal-2017, il-gazzetta ILLUM kienet irrapportat kif fost it-tmexxija l-ġdida tal-midja tal-Knisja kien hemm strateġisti tal-Partit Nazzjonalista, fosthom it-tifel ta' Austin Gatt, l-eks strateġista tal-PN Lawrence Zammit u Anton Attard li fl-2008 kien maniġer tal-kampanja tal-PN.