Qorti | 10 snin ħabs għal raġel li stupra lil kuġintu

Raġel jinstab ħati li stupra lil kuġintu meta kien għad kellha 10 snin...

Albert Gauci Cunningham / 11 ta' Jannar 2019 14:06
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera illum tat is-sentenza fil-każ tal-istupru fuq tifla ta' 10 snin minn kuġinuwha stess. Id-dettalji tal-każ kienu ppublikati fl-aħħar ġranet, liema dettalji juru kif sar l-istupru f'okkażjonijiet differenti

Hi sabet lill-akkużat ħati ta' stupru aggravat u tagħtu sentenza ta' 10 snin ħabs. 

It-tfajla ta' 16-il sena xehdet kif l-abbuż kien iseħħ fi kmamar differenti fid-dar tan-nanna. Imma l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Anita Giordimina argumentaw li l-allegazzjonijiet kienu foloz u motivati mill-għira. 

Il-Qorti nnotat li kienet iffaċċjata b'evidenza kuntrastanti u fakkret illi evidenza ċirkostanzjali trid tippunta lejn direzzjoni waħda. Qalet ukoll li ma tarax għalfejn it-tfajla setgħet kienet qed tgħir għaliex din kellha ġuvintur . "Kienet ikkontrollata minn kuġinuwha b'malizzja kbira," qalet l-Imħallef li ddeskriviet l-azzjoni tal-akkużat bħala 'barbari' u 'annimaleski'. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.