Thake jissuġġerixxi li jkun Delia li jitlaq mill-PN, mhux min qed jopponieh

L-eks xandar u Viċi Sindku tal-Partit Nazzjonalista jissuġġerixxi li post Delia huwa barra... 

Albert Gauci Cunningham / 8 ta' Jannar 2019 16:20
David Thake, eks xandar fuq il-midja tal-PN u eks Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar
Ix-xandar, xi darba sinonimu mal-PN kif ukoll kritiku kbir tal-Gvern Laburista David Thake, ssuġġerixxa li minflok dawk li ma jaqblux miegħu, għandu jkun Adrian Delia li jitlaq minn kap tal-partit. 

F'wieħed minn sensiela ta' messaġġi, l-eks xandar u Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar, għamel referenza għal stqarrija ta' Delia illi min mhux warajh għandu jitlaq mill-partit. Dan qalu meta kien qed jgħaddi kummenti lis-sit newsbook.com fid-dawl ta' pressjoni li qed issir fuqu biex jirreżenja. 

Thake wieġeb u sostna illi meta wieħed jieħu f'kunsiderazzjoni s-sondaġġi li qed juru li l-PN għadu bi żvantaġġ ta' 64,000 vot u dak li qed jiġri bħalissa fil-PN, "forsi huwa l-kap li m'għandux jibqa' fil-partit." 

Thake ma jarax għajn m'għajn ma' Delia tant li rreiżenja mill-kariga ta' Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar propju minħabba Delia. 

Il-Kap tal-PN bħalissa jinsab taħt pressjoni kbira biex jirriżenja wara li kien akkużat illi kien vjolenti ma' martu. Minn dakinhar kien hemm diversi 'leaks' mill-PN u anke filmati dwar materji privati ta' Delia. 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.