Il-PD jitlob għal stqarrija ministerjali dwar il-laqgħa bejn Neville Gafà u l-Milizji Libjani

'Ir-rapporti bejn uffiċjal għoli fl-Uffiċju tal-PM u l-kmandant tal-Milizja fi Tripoli huma inkwentanti' - jgħid il-Partit Demokratiku

Liam Carter / 5 ta' Diċembru 2018 16:50
Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia talab lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela jagħmlu stqarrija urġenti dwar il-laqgħa bejn Neville Gafà, uffiċjal fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, u Haithem Tajouri, kmandant tal-milizja Libjana Tripoli Revolutionaries Brigade.

Fit-talba tiegħu, Farrugia qal li, "r-rapporti ġurnalistiċi dwar laqgħat bejn uffiċjal għoli fl-uffiċju tal-Prim Ministru u Haithem Tajouri, il-kmandant tal-milizja Tripoli Revolutionaries Brigade huma inkwentanti."

Farrugia rrefera għar-rapport tal-Panel of Experts tal-Ġnus Magħquda li ġie ppublikat f'Settembru 2018 li jgħid kif l-attivitajiet tal-milizji fil-Libja, inkluż tat-Tripoli Revolutionaries Brigade intensifikat matul l-2017 u din l-attivita' qed tillimita l-iżvilupp politiku fil-Libja u t-tranżizzjoni tal-Libja lejn id-demokrazija.

"Jeħtieġ għalhekk, li l-gvern jagħti tweġibiet kemm lill-poplu Malti kif ukoll lill-komunita' internazzjonali li lkoll għandha interess tara paċi u stabbilta' fil-Libja dwar l-aġir ta' wieħed mill-uffiċjali ta' l-istess il-gvern," saħaq Farrugia.

Apparti minn hekk il-PD qed jpoġġi diversi mistoqsijiet lill-Prim Ministru fosthom; Jekk Neville Gafà qattx informa, kemm jekk qabel kif ukoll jekk wara, li kien ser ikollu jew kellu din il-laqgħa lill-Prim Ministru u/jew lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin, jekk il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jaqblux li uffiċjal tal-Gvern Malti jiltaqa' mal-milizji Libjani u jekk il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin humiex ser jieħdu azzjoni fil-konfront ta' Neville Gafà, sabiex tinżamm il-konsistenza fil-politika dwar il-Libja.