L-avukati ta' Caruana Galizia joġġezzjonaw għal mistoqsijiet dwar il-laptop ta' Daphne

Il-Qorti sostniet illi l-laptop li kienet tuża Daphne Caruana Galizia ma kienx is-suġġett tal-eżaminazzjoni....

Albert Gauci Cunningham / 5 ta' Diċembru 2018 11:26
Illum xehed it-tifel ta' Daphne Caruana Galizia, Matthew, fil-każ kontra tlieta minn nies li qed ikunu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia b'karozza bomba. 

L-avukati tal-familja, fost oħrajn, oġġezzjonaw għall-mistoqsijiet dwar l-awtoritjiet Ġermaniżi u allura l-pussess li dawn għandhom tal-laptop li kienet tuża Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet. Caruana Galizia qal li ma jaf xejn dwar il-laptop ħlief li dan ingħata lill-Pulizija Federali Ġermaniża. 

Il-Qorti aċċettat it-talba tal-avukati tal-familja għaliex il-lap top ma kienx is-suġġett tal-eżaminazzjoni. 

Matthew Caruana Galizia spjega ix-xena qabel inqatlet ommu. Spjega kif sema' l-karozza ta' ommu titlaq, tinxtegħel il-mużika u imbagħad l-isplużjoni. Jispjega wkoll ix-xena li sab meta ħareġ mid-dar, b'duħħan, plastik u biċċiet minn ġisem ommu jiġru mal-post. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.