Aktar proposti mill-MDA biex tiżdied il-proprjetà affordabbli

...tipproponi wkoll li l-paga minima għall-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni tiżdied b’20%

Yendrick Cioffi / 12 ta' Settembru 2018 16:59
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) qalet li lesta tissieħeb mal-Gvern f’public-private partnership bil-għan li jiżdiedu l-proprjetajiet affordabbli.

Qal dan, il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti waqt laqgħa f’Kastilja mal-Prim Ministru u uffiċjali oħra tal-Gvern qabel il-Baġit. Huwa insista li ftehim simili jgħin biex jiggarantixxi akkomodazzjoni lil dawk li ma jistgħux ilaħħqu mal-prezz tal-proprjetà.

Din hija t-tieni proposta li qed tressaq l-MDA wara li fis-26 ta’ Awwissu li għadda, il-gazzetta ILLUM kienet ħabbret li l-Gvern qed jikkunsidra proposta oħra tal-Assoċjazzjoni biex sidien, li bil-volontà tagħhom jiddeċiedu li jżommu l-kirja baxxa sabiex jintlaħqu persuni li ma jifilħux iħallsu, jingħataw inċentivi ta’ tnaqqis fit-taxxa meta jbigħu dik il-proprjetà.

Il-proposta li għadha fl-ewwel stadji tagħha u allura għadha qed tkun diskussa hija magħmula biex tinċentiva lis-sidien iżommu l-kirjiet baxxi u bħala rikonoxximent is-sidien igawdu minn inċentivi fiskali.

Waqt il-laqgħa tal-lum, Chetcuti rringrazja lill-Prim Ministru għall-iżvilupp ekonomiku li għaddej minnu l-pajjiż waqt li insista li 6% minnu ġej direttament lill-industrija tal-konstruzzjoni.

“Kważi kulħadd f’Malta għandu l-proprjetà tiegħu. In-nies għadha qed tinvesti fil-proprjetà, tbigħa u tikrija,” saħaq Chetcuti.

Il-Prim Ministru qabel ma’ dan u qal li minkejja li l-proprjetà f’Malta dejjem tkun diskussa f’dawl negattiv, Malta għandha fost l-ogħla rati ta’ persuni li huma s-sidien ta’ darhom. “Aktar minn 80% tal-Maltin huma s-sidien tad-dar tagħhom,” saħaq Muscat.

Madanakollu rrikonoxxa li madwar 20% tal-Maltin ma jistgħux jixtru proprjetà u kien hawn li Chetcuti saħaq li l-MDA tħoss li hija r-responsabbilità tagħha li tgħin lil dawn il-persuni.

Qal li jittama li f’dan il-baġit jara iżjed inċentivi għal dawk li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.

Fost proposti oħra, l-MDA qed tipproponi li l-paga minima għall-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni tiżdied b’20%.

Chetcuti fakkar ukoll fil-proposta li ħabbret l-Assoċjazzoni l-ġimgħa li għaddiet biex ikun hawn reġistru tal-kuntratturi biex ikun assigurat li min qed jibni jkollu biżżejjed esperjenza u ħiliet.