Maria Debono u Charles Degiorgio jirbħu l-kampjonat nazzjonali tal-'Powerlifting'

Il-Ħadd li għadda ġew organizzati l-Kampjonati Nazzjonali tal-Powerlifting fil-Cottonera Sports Complex fi ħdan il-Malta Drug-Free Powerlifting Association

Albert Gauci Cunningham / 12 ta' Settembru 2018 15:26
Charles Degiorgio
Il-Ħadd 9 ta’ Settembru ġew organizzati l-Kampjonati Nazzjonali tal-Powerlifting fil-Cottonera Sports Complex fi ħdan il-Malta Drug-Free Powerlifting Association. 11-il atleta minn 25 atleta kienu qegħdin jikkompetu f’dan l-isport għall-ewwel darba. L-aħjar atleta nazzjonali fil-kategorija tan-nisa kienet Maria Debono fejn irreġistrat squat ta’ 102.5kg, 62.5kg fil-bench press u ġibda ta’ 137.5kg fid-deadlift. Din kienet it-tieni darba li Debono rebħet it-titlu tal-aqwa powerlifter waqt in-nazzjonal. Wara Debono kien hemm Tamasin Mallia u Maria Qvarnstörm fejn ikkompetew fil-kategorija tat-63kg u t-53kg rispettivament. B’kollox ikkompetew 6 nisa f’dan l-isport, fejn Sonia Brahmi u Annette Micallef Arnaud ikkompetew għall-ewwel darba, waqt li Rachel Ann Said ikkompetiet għat-tieni darba u tejbet postha fir-rankings nazzjonali billi kisbet 207 punti.

Charles Degorgio ġie l-ewwel mill-irġiel bi squat ta’ 200kg , bench press ta’ 120kg u ssielet ma’ deadlift ta’ 240kg. Degiorgio kkompeta fil-kategorija ta’ taħt il-75kg. Matteo Aquilina ġie lura fuq il-pjattaforma wara li kien ilu nieqes mill-isport għal ftit xhur minħabba injury u kiseb it-tieni post mill-irġiel. Josef Spiteri ħa t-tielet post, fejn Spiteri kellu l-ikbar benchpress tal-ġurnata b’175kg. Alwyn Cassar, li għad għandu biss 17-il sena tejjeb in-numri tiegħu b’total ta’ 82.5kg mill-aħħar kompetizzjoni f’Marzu u kiser 4 rekords nazzjonali fil-kategorija tat-Teenager 2. Cleaven Cutajar tejjeb ir-rekord nazzjonali tad-deadlift b’10kg, jiġfieri rreġistra deadlift ta’ 270kg u kiseb l-ikbar total tal-ġurnata ta’ 665kg. Ir-rekord tad-deadlift fil-kategorija ta’ Cutajar tas-super heavyweights kien ilu ma jinkiser seba’ snin.

Din il-kompetizzjoni rat ħafna wċuħ ġodda speċjalment atleti li kkompetew fil-kategoriji tat-Teenagers. Fosthom kien hemm Josef Curmi u Juan Fenech li t-tnejn kisbu numri promittenti u jidher li għandhom fejn jimirħu fil-futur qrib f’dan l-isport. Kurt Degiorgio ġab numri sbieħ ħafna u fil-fatt kiseb l-ewwel post fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena.

Tajjeb li wieħed isemmi li hemm ’il fuq minn 10 atleti li kkwalifikaw biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonati Dinjija tal-powerlifting fl-Iskozja fi ħdan id-WDFPF. L-etajiet ta’ dawn l-atleti jvarjaw bejn is-17 u l-40 sena. F’Diċembru, il-Malta Drug-Free Powerlifting Association se tkun qiegħda torganizza wkoll għall-ewwel darba l-Kampjonati Nazzjonali tas-Single Lifts.

Alwyn Cassar
 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.