'Il-President setgħet kisret id-dritt ta' Liam Debono għal smigħ xieraq'

L-avukati ta' Liam Debono jiftħu protest ġudizzjarju u jinsistu li l-preżenza ta' Marie Louise Coleiro Preca fil-mixja setgħet ippreġudikat il-każ kollu

Albert Gauci Cunningham / 12 ta' Settembru 2018 13:38
Il-President tar-Reppublika fil-mixja favur il-Pulizija....
L-avukati ta' Liam Debono għadhom kif fetħu Protest Ġudizzjarju fil-Qorti illi fih qed jgħidu illi l-preżenża tal-President Marie Louise Coleiro Preca fil-mixja favur il-Pulizija, ftit jiem wara l-inċident li kien jinvolvi lil Debono u lill-Kunstistabbli Simon Schembri, seta' kiser id-dritt tal-akkużat għal smiegħ xieraq. 

L-Avukat ta' Debono, Franco Debono, ma' dan is-sit saħaq illi meta l-President skjerat ruħha kienet qed tieħu pożizzjoni favur naħa u kontra oħra meta l-każ kien għadu lanqas biss beda jinstema' u meta l-akkużat kien għadu, kif fil-fatt għadu sa issa, meqjus innoċenti. 

Il-protest ifakkar li l-President m'għandhiex tipparteċipa f'materji ta' kontroversja "u xejn ma jista' jkun aktar kontroversjali minn proċeduri kriminali..". Fil-protest jingħad illi l-preżenza tal-President Marie Louise Coleiro Preca fit-tali mixja "faċilment toħloq preġudizzju irrimedjabbli għall-akkuzat peress li jista' jikkundizzjoni l-opinjoni pubblika."

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.