24 kumpanija oħra japplikaw għall-iskema tat-trasport b'xejn għall-istudenti

Dan wara li nhar is-Sibt li għadda ntlaħaq ftehim ma’ 18-il operatur tat-trasport

Yendrick Cioffi / 11 ta' Settembru 2018 11:30
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li wara li nhar is-Sibt li għadda ntlaħaq ftehim ma’ 18-il operatur tal-vannijiet biex ikun offrut trasport b’xejn lill-istudenti tal-iskejjel kollha, minn dakinhar ‘l hawn 24 operatur ieħor wrew interess biex jidħlu fl-iskema.

Fi stqarrija, il-Gvern ħeġġeġ operaturi oħra tat-trasport li huma interessati jidħlu f’din l-iskema biex jaċċessaw is-sit tal-Ministeru u jibagħtu hemm l-interess tagħhom.

Ġaladarba l-operaturi ġodda jidħlu f’din l-iskema b’mod uffiċjali, il-lista ta’ operaturi approvati fl-iskema tkun aġġornata regolarment fuq is-sit www.schooltransport.edu.mt.

Sas-sena skolastika li għaddiet, it-trasport għall-iskejjel tal-Gvern biss kien bla ħlas, iżda mis-sena skolastika li se tibda aktar tard dan ix-xahar, it-trasport se jkun b'xejn ukoll għall-istudenti tal-iskejjel privati u tal-Knisja.

Huwa stmat li minn din il-miżura, se jibbenefikaw mat-33,000 student.