‘Żviluppi ġodda fil-ġimgħat li ġejjin’ - White Rocks

Għaddew erba’ snin minn meta tħabbar il-proġett tal-White Rocks u s’issa ma sar xejn, imma wieħed mill-investituri jaċċerta li din id-darba se jaslu...

Albert Gauci Cunningham / 10 ta' Settembru 2018 19:05
White Rocks, ritratt mill-ajru (Ritratt; Meditoday)
Erba’ snin wara li kien imħabbar u kważi sena wara li kien irrappurtat illi n-negozjati dwar it-trasferiment tal-art waslu fl-aħħar tagħhom, ma’ din il-gazzetta Tony Zahra, wieħed mid-Diretturi ta’ kumpanija li tifforma parti mill-konsorzju li rebaħ it-tender għall-proġett tal-White Rocks, assigura illi l-konsorzju u l-Gvern jinsabu qrib ħafna qbil.

“Nista’ nassigurak illi diskussjonijiet għadhom għaddejjin u nista’ niżvela wkoll li se jkollna żviluppi importanti fil-ġimgħat li ġejjin,” sostna Zahra f’indikazzjoni illi l-konsorzju u l-Gvern resqu viċin qbil dwar il-prezz ta’ kważi 450,000 metru kwadru ta’ art illi se jħallas il-konsorzju. Dan biex fuq din l-art jibni l-proġett u b’hekk dan, sa fl-aħħar, jibda.

Din mhix l-ewwel darba li kien aċċertat li l-Gvern u l-konsorzju ppreferut kienu waslu għal ftehim. F’Diċembru tal-2016, il-Ministru Chris Cardona kien qal illi l-proġett kien se jitnieda qabel l-elezzjoni ġenerali li saret f’Ġunju 2017. Sa dakinhar ma tħabbar xejn.

F’Novembru tal-2017, The Malta Independent, irrappurtat kif id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, bil-Ministru Cardona jinsisti li dawn ‘waslu fi stadju avvanzat’. 10 xhur wara, il-proġett għadu la tħabbar u lanqas tnieda

Zahra iżda, indika li din id-darba l-Gvern u l-konsorzju ‘waslu’ u qal li hu ‘pożittiv ħafna’.

Kienet il-kwistjoni tal-prezz tal-art illi żammet lura n-negozjati u l-proġett kollu kemm hu. Il-gazzetta The Malta Independent kienet ippubblikat storja illi fiha kien jingħad li l-Gvern se jbigħ l-art għall-prezz totali ta’ €22 miljun, xi ħaġa li l-Ministeru ta’ Chris Cardona ċaħad. Hu qal li l-valur tal-art huwa ħafna ogħla minn hekk.

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM biex jelabora aktar dwar il-prezz li bih se tkun qed tingħata l-art tal-White Rocks, Zahra qal li fil-mument ma xtaq jiżvela xejn, iżda ħeġġeġ lil din il-gazzetta biex tistenna ftit żmien ieħor sakemm  jitħabbru l-aħħar żviluppi.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) Tony Zahra u Direttur fi-kumpanija Alpine Ltd.
Il-Malta Developers’ Association kienet appellat lill-Gvern biex jitlob prezz kummerċjali għall-art li se jgħaddi lill-konsorzju. “Dan huwa importanti biex l-istat iħares il-ġid komuni u biex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta bejn żviluppaturi,” kienet sostniet l-MDA.

Zahra, li huwa Direttur fil-kumpanija Alpine Group Ltd, saħaq illi l-proġett li mistenni allura jibda x-xogħol fuqu se jkun wieħed li ma jinvolvix bini għoli u wieħed li jattira l-ogħla livell ta’ turisti.

Din il-gazzetta bagħtet ukoll mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Ekonomija, Kompetittività u Negozji Żgħar. Staqsiet fiex wasal il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-prezz tal-art u jekk il-Ministeru kellux data partikolari għal meta mistenni jintlaħaq il-ftehim.

Sakemm morna għal pubblikazzjoni iżda konna għadna ma rċevejniex risposta.

Jekk dawn l-iżviluppi jseħħu kif qed jaċċerta Tony Zahra, dan se jkun erba’ snin sħaħ minn meta beda l-proċess, hekk kif kien nhar it-23 ta’ Ġunju 2014 li nfetħet ‘Expression of Interest’ li toffri 45 ettaru ta’ art għal ideat ‘moderni, kreattivi u innovattivi’. Il-Ministru Cardona kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet bil-veduta tal-White Rocks u fiha kien ħabbar dan l-iżvilupp ‘esklussiv’.

11-il proposta kienu sottomessi għal proġett bil-konsorzju White Rocks Development Company (WRDC) jintgħażel bħala l-offerent preferut.

Il-konsorzju huwa magħmul minn London&Regionel Holdings, li jinkludi lill-aħwa Livingstone, Alpine Group, Bonnici Brothers, Mizzi Holdings Ltd, l-investitur Michael Bianchi, Sea Estate Ltd u Elma Ltd.

Is-sena l-oħra, il-gazzetta oħt Maltatoday kienet irrappurtat illi kien hemm differenzi bejn il-Gvern u l-konsorzju fuq il-prezz tal-art bil-possibilità li l-proġett ma jsirx. Fil-fatt l-istess gazzetta kienet qalet illi d-diskussjonijiet kienu waqfu, xi ħaġa li mill-ġdid l-Ministru Chris Cardona kien ċaħad. Hu kien qal li l-Gvern jippreferi jagħmel ftehim tajjeb qabel imexxi.  

Il-Ministru Chris Cardona meta kien ħabbar li se toħroġ espressjoni ta' interess fl-2014
Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.