Daqshekk iċ-ċumnija f'Delimara...titwaqqa' kollha

Iċ-ċumnija ta' Delimara tinżel kollha...kienet tidher minn nofsinhar kollu ta' Malta

Albert Gauci Cunningham / 10 ta' Settembru 2018 12:05
Dak li għad fadal miċ-ċuminija...
B’għoli ta’ 50 sular li kienet tidher minn kull parti tan-Nofsinhar ta’ Malta, iċ-ċumnija tal-power station ta’ Delimara illum iżżarmat għal kollox biex issa nistgħu ngħidu li dan huwa kapitlu magħluq.

Iż-żarmar taċ-ċumnija ilu għaddej għal dawn l-aħħar xhur f’fażijiet differenti, fejn ġew osservati diversi kundizzjonijiet ambjentali u ġie assigurat li matul dan il-proċess delikat tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li t-tneħħija għal kollox ta’ din iċ-ċumnija, li kienet l-ogħla struttura fil-pajjiż u simbolu tal-aktar żejt li jħammeġ, hija turija ċara li dan il-gvern irid politika bbażata fuq enerġija nadifa.

Il-Ministru Mizzi saħaq li dan il-gvern qed iħares ‘il quddiem lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti tagħna. “It-tneħħija ta’ din il-ġerħa ambjentali se jwassal biex inkomplu nassiguraw arja aktar nadifa, speċjalment għaċ-ċittadini tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, b’mod partikolari dawk ta’ Marsaxlokk.”

Il-ministru fakkar li ż-żarmar taċ-ċumnija sar grazzi għall-ħidma konġunta bejn l-inġiniera u l-periti tal-Enemalta li ħadmu mal-kuntratturi u mal-awtoritajiet ikkonċernati. Ix-xogħol qed isir permezz ta’ apparat li nġieb Malta apposta sabiex it-twaqqigħ isir b’mod mill-aktar sigur waqt li jiġu mħarsa l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku l-oħra li hemm qrib tagħha.

Il-Ministru Joe Mizzi, akkumpanjat miċ-Chairman il-ġdid tal-Enemalta Kevin Chircop, irringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proċess, kemm lill-ħaddiema li kienu direttament involuti u li ħadmu f’kundizzjonijiet xejn faċli, kif ukoll lis-superjuri tagħhom li mxew mal-kundizzjonijiet taħt it-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv l-Inġinier Jason Vella u anke lill-imsieħba Shanghai Electric għall-koperazzjoni tagħhom.

Il-Ministru Joe Mizzi introduċa liċ-Chairman il-ġdid tal-Enemalta Kevin Chircop li kien ilu membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Enemalta sa mis-sena 2014. Huwa kien ukoll parti mill-amministrazzjoni tal-kumpanija bħala Direttur Eżekuttiv Business Strategy and Projects qabel ma nħatar Chairman Eżekuttiv tal-Enemed.

Kevin Chircop qal li r-riforma fl-Enemalta irrekjediet ħafna sagrifiċċji kbar minn kulħadd, kemm mill-ħaddiema u anke mill-klijenti u mill-unions involuti, iżda llum kulħadd fehem l-importanza tat-tibdil li sar biex reġgħet qamet fuq saqajha u b’hekk qed jinfetaħ kapitlu ġdid ta’ konsolidazzjoni ta’ dak li diġà sar.

Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li l-Enemalta investiet €100 miljun biex issaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku, kif ukoll €20 miljun oħrajn li ġew ivvotati għal din is-sena u s-sena d-dieħla. Dan minbarra l-investiment li tagħmel kull sena fil-manutenzjoni u t-tħaddim tan-network tad-distribuzzjoni.

“Din is-sena qed nesperjenzaw żieda ta’ 2.7 fil-mija fid-domanda għall-elettriku, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan wara li anke s-sena l-oħra esperjenzajna żieda ta’ 6 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Minkejja dan, il-persentaġġ ta’ qtugħ ta’ dawl li ma kienx prevvist din is-sena kien ta’ 20% inqas mis-sena li għaddiet”, żied jgħid il-Ministru Mizzi.

Huwa temm tgħid li l-investiment li sar mill-Enemalta qed iħalli r-riżultati u minkejja ż-żieda fid-domanda, kemm il-frekwenza u kemm id-dewmien bla servizz, qiegħed xorta waħda jkompli jonqos.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.