Sea Watch takkuża lil Muscat li qed jinjora lill-persuni maqbuda fil-ġlied fil-Libja

Tiftaħ protest ġudizzjarju biex ikun irilaxxat l-ajruplan li jfittex imimgranti li jkunu fil-periklu

Yendrick Cioffi / 7 ta' Settembru 2018 09:46
L-NGO Sea Watch, li l-għan tagħha huwa li ssalva immigrant li jinqabdu bejn sema u ilma fil-Mediterran qed takkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat li qed jostakola l-unika triq li għandhom persuni ppersegwitati fil-Libja, biex jaħarbu mill-pajjiż għall-ħajja aħjar, partikolarmant wara l-ġlied riċenti bejn diversi milizzji fi Tripli.

Fi stqarrija, Sea Watch ħabbret li fetħet ukoll protest ġudizzjarju kontra l-Gvern Malti bil-għan li jirilaxxa l-ajruplan Moonbird, maqbud Malta, biex ikompli bil-missjoni tiegħu li jfittex immigranti li jkunu fil-periklu.

“Mijiet ta’ Libjani u eluf ta’ Libjani, immigranti u refuġjati jinsabu maqbuda qalb il-ġlied mingħajr ma għandhom l-ebda triq oħra,” kompliet l-istqarrija.

F’Malta hawn maqbuda tliet bastimenti ta’ NGOs li jsalvaw l-immigranti. Dawn huma: Sea-Watch 3, Seefuchs u l-MV Lifeline. Dan apparti li bastimenti oħra jinsabu maqbuda f’aktar pajjiżi.

L-organizzazzjoni saħqet li t-tħassib ikompli jikber fid-dawl ta’ rapport li anke l-Gwardji tal-Kosta Libjani waqfu jaħdmu minħabba l-ġlied u fi kliemha dan ifisser li ma hemm l-ebda salvataġġ disponibbli fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Dwar l-ajruplan Moonbird, l-NGO qed tisħaq li l-Gvern Malti għadu sal-lum ma ta l-ebda ġustifikazzjoni legali għalxiex qed iżomm dan l-ajruplan.

Kien għalhekk li fetħu protest ġudizzjarju bil-għan li l-ajruplan ikun irrilaxxat.

Ftit sigħat wara li l-Gvern kien aċċetta li l-bastiment Lifeline jidħol f'Malta, kien ħabbar li se jkun qed jagħlaq il-portijiet tiegħu għal bastimenti ta' NGOs li jsalvaw l-immigranti.