'Il-Partit Laburista se jaħdem biex jassigura l-aqwa riżultat possibbli' - Muscat

Imħabbar l-ewwel grupp ta' kandidati Laburisti għall-elezzjoni tal-MEPs li se ssir fl-2019

Albert Gauci Cunningham / 6 ta' Settembru 2018 21:41
Ilejla l-Partit Laburista approva l-ewwel grupp ta' kandidati għall-elezzjoni tal-Membri Parlamentri Ewropej. 

L-eżekuttiv nazzjonali tal-Partit Laburista approva l-ewwel grupp ta’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla.

L-ewwel kandidati approvati wara li ssottomettew in-nomina tagħhom uffiċjalment huma Felix Busuttil, Josef Caruana, Miriam Dalli, Cyrus Engerer, James Grech, Alex Saliba u Joe Sammut. Iktar kandidati jkunu approvati fil-ġimgħat li ġejjin.

Meta kkummenta dwar dawn l-elezzjonijiet, il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal: “Dawn l-elezzjonijiet se jerġgħu jkunu elezzjonijiet li joffru sfida lill-Partit Laburista. Dan anke għax il-Partit Laburista se jkun kważi f’nofs it-tieni leġiżlatura tiegħu. Peró, bil-kandidatura li se jkollu u bil-ħidma li se ssir fix-xhur li ġejjin, il-Partit Laburista se jaħdem biex jassigura l-aqwa riżultat possibbli. Il-poplu Malti seta’ jara kif is-snin li għaddew urew id-differenza bejn l-MEPs tal-Partit Laburista, li jaħdmu favur Malta u ċ-ċittadini tagħha u dawk tal-Partit Nazzjonalista, li l-uniku għan tagħhom kien li jweġġgħu l-gvern biex mingħalihom igawdi l-Partit Nazzjonalista. Biex għamlu hekk, spiċċaw jipprovaw iweġġgħu l-pajjiż għal darba wara oħra.

Malta jistħoqqilha rappreżentanti li jaħdmu biex isaħħulha isimha fl-Ewropa u hekk se jkunu qed jagħmlu l-MEPs tal-Partit Laburista”

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.