Chris Fearne b’responsabbilitajiet ġodda; Riformi Parlamentari

…se jieħu ħsieb l-implimentazzjoni ta' wħud mir-riformi Parlamentari, apparti d-dekasteru tas-saħħa

Yendrick Cioffi / 6 ta' Settembru 2018 17:47
Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li l-Prim Ministru Joseph Muscat għażel lid-Deputat Prim Ministu Chris Fearne biex ikun responsabbli mill-implimentazzjoni tar-riformi parlamentari.

Għalhekk, apparti d-Dekasteru tas-Saħħa, Chris Fearne se jkun qed jaħdem id f’id mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, biex ikunu mnedija sensiela ta’ diskussjonjiet, bil-għan li jidħlu fis-seħħ dawn ir-riformi, li fost oħrajn jinkludu l-possibbilità li titneħħa l-immunità Parlamentari.

Dawn ir-riformi kienu mwiegħda mill-Partit Laburista fl-aħħar manifest elettorali tiegħu. Fil-fatt, uħud minn dawn il-wiegħdi diġà ġew implimentati fix-xhur li għaddew, fosthom id-dritt li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw f’elezzjoni ġenerali, liġi li l-Parlament approva b’mod unanimu.

Deputati Full-Time

Il-Partit Laburista ntrabat li tul din il-leġiżlatura jniedi diskussjoni dwar il-possibbilità li d-Deputati Parlamentari jingħataw l-għażla li jservu full-time fil-Parlament.

Il-manifest elettorali jgħid li din ir-riforma għandha tinkludi wkoll diskussjoni dwar meta u x’ħin għandu jiltaqa’ l-Parlament.

Dwar dan, diġà kien intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, tant li nhar ta’ Erbgħa, is-seduti Parlamentari qed isiru bejn l-4:00pm u s-7:30pm minflok mis-6:00pm sad-9:30pm.

Fil-fatt, dawn il-ħinijiet kienu ddaħħlu bħala prova biex tkun diskussa l-possibbilità li l-istess ħinijiet ikunu japplikaw għas-seduti kollha, bil-għan ikun li anke l-Membri Parlamentari jkollhom ħin biżżejjed mal-familja. Dan apparti pjanijiet li jeżistu biex fil-Parlament jibda jingħata servizz ta’ childcare.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Ispeaker f’Jannar li għadda, kienu ssemmew possibilitajiet oħra, fosthom kmamar apposta fejn ommijiet ikunu jistgħu jreddgħu u jbiddlu lit-trabi, dati fissi dwar meta jittieħdu l-voti u anke seduti itwal iżda bi frekwenza inqas fil-ġimgħa.

Titneħħa l-immunità Parlamentari

“Nisfidak biex tirrepeti dak li qed tgħid, barra mill-Parlament.” Min jaf kemm-il darba smajna Deputati jgħajtu din is-sentenza min-naħa għall-oħra tal-Parlament.

Iżda l-Partit Laburista kien wiegħed li jsaħħaħ il-kontabbilità tal-Membri Parlamentari billi tkun diskussa l-possibbilità li jiġi riformat il-privileġġ u titneħħa l-immunità Parlamentari.

“Filwaqt li deputat tal-poplu għandu jkollu l-libertà kollha li jesprimi dak li jħoss, għandha tissaħħaħ is-sistema biex jitnaqqas l-abbuż li jseħħ meta deputat jagħmel allegazzjonijiet u jistaħba wara privileġġ tali,” jgħid il-manifest.

Leġislazzjoni miż-żgħażagħ

Il-Partit Laburista kien wiegħed ukoll li jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta’ Parlament taż-Żgħażagħ bil-għan li ż-żgħażagħ mhux biss isemmgħu leħinhom b’mod formali iżda anke jipproponu liġijiet.

L-għan huwa li dawn il-leġislazzjonijiet li jipproponu ż-żgħażagħ jitilgħu quddiem il-Parlament għad-diskussjoni tad-Deputati.

Il-vot għall-Maltin li jgħixu barra

Taħt l-istess sottotitlu ta’ ‘Riformi Parlamentari,’ il-Partit Laburista wiegħed ukoll li persuni Maltn li jgħixu barra u li għandhomn id-dritt għall-vot, ikunu jistgħu jivvutaw fl-ambaxxati Maltin.

Sa issa, il-Maltin li jgħixu barra, ikollhom jinżlu Malta biex jivvutaw, b’pajjiżna jkun wieħed mill-ftit li għadu joħroġ il-flus biex jissussidja t-titjiriet.

Fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, ġew Malta aktar minn 1,700 votant. Il-Gvern ħallas lill-Air Malta €1.75 miljun biex għamel tajjeb għall-prezz issussidjat.

Il-kwoti jibqgħu f'idejn Farrugia Portelli

Apparti dawn, ir-Riformi Parlamentari mwiegħda mill-Partit Laburista jinkludu l-possibbilità li jkunu introdotti kwoti Parlamentari favur aktar nisa fil-Parlament.

Kelliem għall-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li dawn se jibqgħu f'idejn is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, iċ-Ċittadinanzi u s-Simplifikazzjoni Julia Farrugia Portelli.

Il-manifest elettorali tal-PL kien jgħid: “Nemmnu li l-Parlament Malti għandu jkun aktar ibbilanċjat fil-ġeneru...Huwa meħtieġ li nibdew diskussjoni li tkun tinkludi miri ta’ azzjoni konkreti u mekkaniżmu proċedurali li għandu jassigura li aktar nisa jirrapreżentaw lill-poplu bħala deputati parlamentari.”

Dwar il-kwoti favur in-nisa, id-diskussjoni ilha li bdiet mhux ħażin.

Therese Comodini Cachia, meta kienet għadha Membru Parlamentari Ewropew, kienet qalet mal-ILLUM li, ma jistax ikun hemm ugwaljanza jekk ikollok sistema li tnaqqas mill-ammont ta’ deputati rġiel sabiex tagħmel spazju għal dawk nisa.

Roberta Metsola kienet saħansita ddeskriviet kwoti favur aktar nisa fil-Parlament bħala “insult,” u Marlene Farrugia qablitha mal-kwoti tat-tonn.

Madanakollu, il-Ministru Justyne Caruana u d-Deputati Kristy Debono u Claudette Buttigieg kienu ddeskrivew din il-proposta bħala ‘necessary evil’. Il-Ministru Helena Dalli minn dejjem iddikkjarat li taqbel mal-kwoti.