Esklussiva | 'Kemm taptapt fuq spallejn l-abbatini u libbisthom....'

....hekk jiddeskrivi l-'attenzjoni żejda' fuq 17-il tifel u tifla Dun Felix Cini, li qatta sentejn fil-Monasteru Venturini, illi fih suppost qassisin "jitfejqu" minn "tendenzi sesswali" 

Albert Gauci Cunningham / 2 ta' Settembru 2018 07:43
 “Jiena taptaptilhom fuq spallejhom... kont inlibbes l-abbatini. Li ttaptap fuq spallejn it-tfal jew tagħti attenzjoni mhux abbuż..”

Huwa b’dan il-mod illi Dun Felix Cini, li lura fl-2004 aċċetta l-ħtija ta’ ‘attenzjoni żejda’ fuq 17-il tifel u tifla fl-Italja, jiddeskrivi azzjonietu lil din il-gazzetta f’intervista esklussiva. Fil-fatt din hija l-ewwel darba li Dun Felix Cini tkellem, 15-il sena wara li nqatgħet is-sentenza kontrih.

It-tfal kellhom bejn 10 u 14-il sena meta telgħu jixhdu kontra l-qassis Malti, inkardinat l-Italja.

L-ILLUM sabitha prattikament impossibbli biex tikkuntrarja dak li qal Cini minħabba omertà assoluta u biża’. Din il-gazzetta għamlet diversi telefonati, fosthom it-Tribunal ta’ Grosseto biex nikbsu x-xhieda tat-tfal, minħabba li każijiet  ta’ qabel l-2013 ma kinux onljan, iżda ma kellniex risposti.

Iktar minn hekk iżda din il-gazzetta ċemplet lill-grupp Network l’Abbuso li għandu kuntatti ma’ ħafna minn dawk li sfaw vittmi ta’ abbuż minn taħt idejn qassisin fl-Italja. L-ILLUM talbet li titkellem ma’ wieħed jew waħda mis-17-il tifel u tifla li xehdu kontra Dun Cini

Kien il-Vatikan li 'ħafer' lil Vatikan
iżda dawn ma xtaqux jitkellmu. Rappreżentant ta’ dan il-grupp  għamel kuntatt mal-ġurnalist li ppubblika l-istorja l-ewwel, li min-naħa tiegħu tkellem ma’ wieħed mill-vittmi, li iżda ma xtaqx jikkummenta kemm għax issa għadda ħafna żmien u anke għax issa għandu familja.

Venturini; Monasteru li “jfejjaqlek it-tendenzi”

L-istorja ta’ Dun Cini għalhekk tieħu xejra interessanti, imma mhux biss minħabba li ħadd ma jrid jitkellem u għax is-sentenza tiegħu ma tidher imkien.

Din il-gazzetta tista’ tiżvela li wara li aċċetta l-ħtija permezz ta’ ftehim legali (pattegiamento), huwa qatta’ sentejn u nofs f’monasteru partikolari; Venturini.

Fuq diversi siti tal-aħbarijiet barranin, fosthom independent.co.uk, kien irrappurtat li l-Vatikan kien qed jibgħat lill-qassisin omosesswali f’dan il-monasteru biex ikunu “mfejqa” flimkien ma’ pedofeli, qassisin li jkunu wrew “tendenzi sesswali mhux xierqa” u dawk li jabbużaw minn sustanzi.

Il-Pulizija kienu ssekwestraw żewġ kompjuters li kienu proprjetà ta’ Cini. Kien irrappurtat illi nstabu traċċi ta’ siti porno-pedofeli. Din il-gazzetta staqsiet lil Dun Cini kif jispjega dan.

Hu qal biss li ż-żewġ kompjuters kienu rritornati lilu, “sal-anqas wajer. Kieku sabu xi ħaġa naħseb kienu jieħdu passi kontrija. Mhux hekk?”

Tneħħa minn novizz... mal-ILLUM jgħid li għażel hu li jieqaf

Fl-aħħar sigħat il-gazzetta ILLUM waslitilha informazzjoni illi Dun Cini, lura fis-snin, kien se jidħol Patri Karmelitan, imma tneħħa. Mistoqsi minn din il-gazzetta jekk dan hux minnu, Dun Cini sostna illi mhux veru li keċċewh imma li kien hu li waqaf.

Din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll illi lura meta kien Arċisqof Ġużeppi Mercieca, Dun Cini ma kienx aċċettat fis-Seminarju. Sorsi qalu lil din il-gazzetta illi Dun Felix Cini kien uża l-kuntatti tiegħu, l-aktar dawk li kellu f’Birkirkara biex spiċċa l-Italja fid-Djoċesi ta’ Grosseto, fejn 17-il tifel u tifla akkużawh b’abbuż u hu aċċetta l-ħtija ta’ attenzjoni żejda.

Ir-reazzjoni instantanja ta’ Dun Cini kienet: “Ma tirriżultalix”. Mistoqsi biex jelabora, Dun Cini qal li hu qatt ma pprova jidħol is-Seminarju.

“Allura għaliex mort l-Italja u ma bqajtx Malta?” tistaqsi din il-gazzetta. “Għax ridt inkompli l-ħidma tiegħi,” iwieġeb. Din il-gazzetta tirrimarka li kieku ried, jekk titwemmen il-verżjoni tiegħu, seta’ baqa’ pajjiżna biex ikompli l-ħidma tiegħu. Dun Felix jerġa’ jinsisti li kienet għażla tiegħu li ma jibqax Malta u jmur Grosseto, kuntrarjament għal dak li qalulna sorsi infurmati tajjeb.

Aċċettajt ftehim, biex jiqsar il-proċess...

Din il-gazzetta staqsiet għaliex għażel li jidħol fi ftehim u jaċċetta l-ħtija ladarba hu qed jinsisti li mhux ħati. Għaliex ma ġġilidx il-każ?

Ir-reazzjoni ta’ Dun Cini għal dan kienet li kien hemm forzi oħrajn li kienu qed “jilagħbu” u insista li hu ntuża biex isir attakk fuq l-Arċisqof ta’ Grosseto.

“L-Arċisqof ried jagħlaq il-każ malajr u għalhekk iddeċidejna li mmexxu l-każ ’il quddiem.”

L-ILLUM staqsiet lil Dun Cini jekk l-akkużati kinux waqqgħu l-akkużi ta’ abbuż sesswali. Hu jinsisti bil-qawwa kollha li hu qatt ma abbuża minn 17-il tifel u tifla.

Il-Kummissarju tat-Tfal takkużah b’aġir kriminali

“Jiena dejjem ħriġt b’rasi ’l fuq għax naf li m’għamilt xejn ħażin,” jinsisiti Dun Cini mal-gazzetta ILLUM.

Mhux l-istess kienet taħseb l-Kummissarju tat-Tfal tar-reġjun ta’ Molise Nunzia Lattanzio, fejn mar Dun Cini wara li ħareġ minn Venturini. Hija kienet qalet illi “dawk li għandhom l-irwol ta’ edukaturi tat-tfal, l-anzjani, il-morda jew il-vulnerabbli – huma awtorità li dejjem għandhom jiggwidaw l-ispirtu lejn l-għażla tat-tajjeb. F’dan il-każ dan jista’ jiġi eskluż. Il-fajl ta’ dan il-każ jindika malizzja u aġir kriminali mill-qassis.”

Hi kienet sejħet għar-riżenja ta’ Dun Cini minn qassis.

“Kieku l-akkuża li abbużajt minn 17-il tifel u tifla kienet minnha kieku qabar fil-ħabs jixtruli. Li kieku vera ġrat lanqas kien ikolli kuraġġ nitla’ quddiem Alla fuq l-artal,” wieġeb Cini.

“Imma allura l-gazzetti u r-rapporti kollha li qed jakkużawk b’abbuż, kollha qed tgħid li rrappurtaw ħażin?” tistaqsi l-gazzetta ILLUM. Dun Felix jgħid biss illi min irrapporta li kien abbuża mit-tfal ma kienx qed jgħid il-verità.

Imma kellu ħafna jappoġġjawh ukoll

Wara li ħareġ minn Venturini, Cini tpoġġa fil-parroċċa ta’ Molise, fejn kien hemm reazzjoni mħallta għall-preżenza tiegħu f’dan il-post. Kien hemm uħud li kienu rrabbjati li kien ttieħed f’din il-paroċċa. Madanakollu kien hemm ammont kbir ta’ nies li tawh appoġġ u sostnew illi kemm kien ilu fil-parroċċa ħafna iktar żgħażagħ kienu qed jattendu l-quddies. Kienet saħansitra saret petizzjoni ffirmata minn 3,000 persuna biex Cini jibqa’ f’Molise.

Kif kien żvelat ukoll fuq is-sit illum.com.mt aktar kmieni din il-ġimgħa kien il-Vatikan li reġa’ ta l-permess biex Dun Cini jerġa’ jibda jqaddes.

Fl-2008, il-Vatikan qal illi kien infurmat kontinwament dwar Dun Felix u “riċentement eżamina l-każ... u nnota b’sodisfazzjon li l-qassis kien mexa t-triq tal-għarfien, maturità u fejqan... il-Vatikan iżda jħoss li huwa prudenti li Dun Felix Cini jintbagħat f’post ieħor.”

Il-Vatikan kien faħħar ukoll lill-komunità ta’ Cercemaggiore li, skontu, laqgħu lil Cini mingħajr preġudizzju.

Jingħata permess mill-Arċisqof...

F’pajjiżna, Cini ngħata l-permess dirett li jqaddes jew ikollu sehem f’attivitajiet ekkleżjastiċi mill-Arċisqof Charles Scicluna, li iżda kien qed isegwi d-direzzjoni mogħtija mill-Vatikan.

F’risposta għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta l-Kurja fakkret illi Cini huwa inkardinat fid-Djoċesi ta’ Grosseto u allura huwa responsabilità ta’ dik id-djoċesi u mhux ta’ Malta.

Il-Kurja kienet qalet lil din il-gazzetta illi Dun Cini kien ġie Malta minħabba li qed jassisti lil ommu li teħtieġ il-kura.

Il-Kurja sostniet illi Cini jista’ jikkonċelebra “f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħalma huma funerali ta’ qraba/ġirien u f’okkażjonijiet speċjali tal-parroċċa. Waqt li jgħix Malta, Dun Cini ma ntalab jaqdi l-ebda Ministeru tal-Knisja b’mod regolari.”

Din l-informazzjoni kienet ippubblikata fl-istqarrija li ntbagħtet mill-Kurja din il-ġimgħa wara rapporti li dehru fuq l-illum.com.mt u l-blogg ta’ Manuel Delia.

‘Ma nistgħux nimponu, imma...’

Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u Adulti Vulnerabbli (Safeguarding Commission) qed tevalwa l-każ ta’ Dun Felix Cini. Ma’ din il-gazzetta il-Kap tal-istess Kummissjoni Andrew Azzopardi, fakkar illi l-Kummissjoni m’għandhiex poter li timponi, iżda biss li tagħti l-parir tagħha.

Huwa spjega kif il-proċess jista’ jieħu ċertu tul ta’ żmien, mhux l-inqas minħabba dokumenti li l-kummissjoni tkun teħtieġ minn barra l-pajjiż.

Minkejja li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Vatikan, il-Kummissjoni li jmexxi Azzopardi xorta tista’ toġġezzjona. Il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda li ma jsir xejn jew inkella tista’ tirrakkomanda li jitneħħew jew jitnaqqsu r-responsabilitajiet ekkleżjastiċi ta’ Cini.

 

 

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.