'Il-Ministru għandu jkun jaf jekk id-daħna kinitx tinkludi gassijiet tossiċi'

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni għandha d-dover tistaqsi lill-Gvern dwar x'wassal għan-nirien ta' dalgħodu

Yendrick Cioffi / 31 t'Awwissu 2018 13:19
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni għandha d-dover tistaqsi x'wassal għan-nirien ta' dalgħodu fil-Magħtab u l-Gvern għandu d-dover li jwieġeb u jagħti spjegazzjoni.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Magħtab, Adrian Delia qal li huwa ta' tħassib li l-poplu ma jafx fejn qed jintrema materjal li huwa tossiku.

Saħaq li huwa ta' tħassib li l-Ministru José Herrera naqas milli jwieġeb jekk id-daħna kinitx tinkludi gassijiet tossiċi u insista li għandu d-dover jistaqsi lil min hu responsabbli jekk fil-parti li ħadet in-nar, kienx hemm maħżun materjal li huwa tossiku.

'Il-Ministru għandu jistaqsi u jgħidilna l-informazzjoni," qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Insista li l-Oppożizzjoni se tibqa' titlob spjegazzjoni, kemm dwar in-nirien ta' dalgħodu u anke tan-nirien li ħakmu l-impjant tar-riċiklaġġ f'Marsaskala, f'Mejju tas-sena li għaddiet.

Mistoqsi jekk il-Ministru Herrera għandux jirriżenja, Delia qal li hu jibbaża kollox fuq il-fatti u mhux fuq spekulazzjoni. Insista li jekk jirriżulta xi ħaġa li dwarha għandha tintrefa r-responsabbilità, imbagħad se jkun qed jitlob għar-riżenja.

Beda billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Protezzjoni Ċivili li għadhom għaddejin bil-ħidma tagħhom.