L-UE b'fondi u proġetti biex jippromwovu l-ġurnaliżmu investigattiv

L-MEP Roberta Metsola saħqet li l-UE għandha bżonn ġurnalisti biex juru d-differenza bejn dak li hu fatt u dak ivvintat

Yendrick Cioffi / 30 t'Awwissu 2018 16:56
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern illum qabli li jallokaw fondi Ewropej speċifikament biex jappoġġjaw il-ġurnaliżmu investigattiv fl-Unjoni Ewropea.

Permezz ta’ dawn il-fondi, se jkun implimentat proġett pilota madwar l-UE wara l-qtil tal-ġurnalisti Daphne Caruana Galizia f'Malta u Ján Kuciak fis-Slovakkja.

L-għanijiet tal-proġett huma li jappoġġja b’mod finanzjarju l-ġurnaliżmu investigattiv u jappoġġja direttament il-protezzjoni tal-ġurnalisti.

Se jinħoloq ukoll fond permanenti biex jappoġġja ġurnalisti investigattivi indipendenti, bil-għan li jgħin lill-ġurnalisti jiffaċċjaw proċeduri legali, u jibqgħu finanzjarjament indipendenti.

Barra minn hekk, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi se jiġu indirizzati bil-ħolqien ta' mekkaniżmu fl-Ewropa, fejn permezz ta’ kollaborazzjoni diretta ma’ stakehoders Ewropej, reġjonali u lokali, il-mekkaniżmu jipprovdi appoġġ dirett, bħal għajnuna legali u protezzjoni lill-ġurnalisti li jkunu qed jiġu mhedda.

L-Ewroparlamentari Roberta Metsola, li hi wkoll il-Koordinatriċi tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat, faħħret dan il-pass u saħqet li l-ġurnalisti huma kruċjali biex iżommu soċjetà demokratika ħajja.

"Għandna bżonn lill-ġurnalisti biex juru d-differenza bejn dak li hu fatt u dak ivvintat - ġurnalisti b’saħħithom iwasslu għal demokrazija b’saħħitha, fejn il-valuri tal-verità u tar-responsabbiltà jippersistu," saħqet Metsola.

Il-kmamar tal-aħbarijiet kif ukoll il-ġurnalisti freelance se jkunu jistgħu japplikaw għal għotja minn dan il-fond permanenti." L-applikazzjonijiet se jiġu riveduti minn tim konġunt ta' membri tal-Kummissjoni Ewropea, ġurnalisti u esperti oħra fl-istess qasam.

Il-fondi issa jridu jiġu kkonfermati b'vot mill-MEPs kollha fil-ġimgħat li ġejjin.