Sant jisħaq li l-PN huwa nieqes minn persuni ta' ħila

L-Ewroparlamentari saħaq li jekk l-Oppożizzjoni mhux se tkun koerenti, se tinħoloq problema ta’ governanza demokratika fil-pajjiż

Yendrick Cioffi / 30 t'Awwissu 2018 10:49
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, saħaq li jekk l-Oppożizzjoni mhux se tkun koerenti, se tinħoloq problema ta’ governanza demokratika fil-pajjiż. 

Waqt programm fuq SMASH TV, Sant saħaq li ll-Gvern għandu bżonn Oppożizzjoni li tikkritikah b’mod koerenti waqt li tippreżenta l-alternattivi tagħha.

“Illum għandna problema għax għandna Oppożizzjoni dgħajfa u maqsuma għal raġunijiet evidenti. Il-PN jinħass demoralizzat u mhux koerenti ma’ dak li jgħid. Dik tinkwetani ħafna lili. Jekk inħarsu lejn l-istorja ta’ Malta mill-Indipendenza ’l hawn, il-PN – anke jekk ma kontx taqbel miegħu – kien koerenti fi żmien Borg Olivier u fi żmien Fenech Adami.”

Kompla jisħaq li meta ġie lura Malta fl-1977 kien innota team ġdid taħt Eddie Fenech Adami b’nies bħal Louis Galea, Guido Demarco, Ugo Mifsud Bonnici u Ċensu Tabone.

“Illum ma jidhirx li teżisti dik it-tip ta’ rankatura min-naħa tan-nazzjonalisti. Lil hinn mill-problema ta’  koerenza, il-PN għandu problema ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani,” saħaq Sant.

Temm jistaqsi jekk dan hux kaġun ta’ ekonomija li sejra tajjeb, fejn individwi ta’ ħila qed jippreferu jieħdu vantaġġ miċ-ċirkostanzi preżenti, milli jagħmlu karriera politika fi ħdan il-PN.