Opportunità biex tgħin lil Bjorn jaqta' xewqtu

Kunċert nhar is-Sibt biex jinġabru fondi għat-tieni dar li tilqa' fiha pazjenti li jbatu bl-ALS u kundizzjonijiet newrologiċi oħra

Yendrick Cioffi / 29 t'Awwissu 2018 09:55
Bjorn Formosa flimkien ma' martu Maria
Nhar is-Sibt li ġej se jittella' kunċert fi Pjazza San Ġorġ bil-għan li matulu jinġabru fondi għal ħolma li għandu Bjorn Formosa, jiġifieri li jiftaħ it-tieni dar biex fiha jingħataw l-għajnuna pazjenti li jbatu bl-ALS u kundizzjonijiet newrologiċi oħra.

Il-kunċert, bl-isem ta’ “Versatile for ALS,”jibda fis-7p.m bis-sehem ta' Versatile Brass Band, Ivan Grech, Christabelle, Glen Vella, Amber u oħrajn.

Jumejn wara dan il-kunċert, Bjorn se jkun qed jagħmel operazzjoni maġġuri li tista' tħallih ipparalizzat u ma jitkellimx.

Bjorn fetaħ l-ewwel dar f'Novembru li għadda. Dar Bjorn, li tinsab f'Ħal Qormi tilqa' fiha 13-il pazjent iżda l-ispazju sar limitat u propju għalhekk li qed tinbena dar oħra f'Ħaż-Żebbuġ.

Il-kunċert hu bla ħlas iżda l-pubbliku hu mħeġġeġ li jagħmel donazzjoni b’risq ALS Malta.