Qorti | 'Għaxxaqtha'; L-akkużat bil-qtil taċ-ċikonji lil sieħbu

Bdiet tinstema' l-kumpilazzjoni ta' evidenza kontra r-raġel akkużat bil-qtil taċ-ċikonju nhar l-10 ta' Awwissu

Yendrick Cioffi / 27 t'Awwissu 2018 11:35
Ir-raġel, li qed ikun akkużat li qatel tliet ċikonji, ċempel lil sieħbu, ftit wara li spara, biex jgħidlu li ‘għaxxaqha.’

Dan ħareġ illum fil-Qorti hekk kif il-Maġistrat Astrid May Grima bdiet tisma’ l-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra r-raġel, li għandu 41 sena u li qed ikun akkużat li spara u qatel tajr protett.

Wieħed mill-ħbieb tal-akkużat xehed kif nhar l-10 ta’ Awwissu, meta spiċċa mix-xogħol, mar l-għalqa ħdejn sħabu, fosthom l-akkużat, kif jagħmel ta’ spiss u meta kienu hemm lemħu ċ-ċikonji għaddejin.

“Sakemm qed inħarsu lejhom smajna tliet tiri,’ kompla x-xhud. “Ftit wara ġie l-akkużat u qalilna biex nagħlqu u mmorru. Kien jidher ftit konfuż u mgħaġġel.”

Kien ftit wara, li l-akkużat ċempillu u qallu: “Għaxxaqtha.”

Ix-xhud insista li hu fl-ebda ħin ma ra għasafar mejta jew inkella jinqatlu. Mistoqsi mill-Avukat, ix-xhud spjega kif fl-inħawi kien hemm madwar sitt ikmamar tal-kaċċaturi u ammetta li kien ra l-arma tan-nar tal-akkużat qabel l-inċident.

'Deher konfuż u mgħaġġel'

Xhud ieħor qal li meta ltaqa’ mal-akkużat, għall-ħabta tas-sitta u kwart, lemaħ lill-akkużat li kellu miegħu l-arma tan-nar.

“Iċ-ċikonju niżlu fuq xi arbi viċin tagħna. L-akkużat mexa ftit ‘l hemm minnha u smajna tliet tiri iżda ma rajna xejn,’ kompla x-xhud waqt li anke hu insista li meta rritorna, l-akkużat deher mgħaġġel u konfuż.

'Rajt raġel jiġri b'arma u b'tajra fl-id l-oħra'

It-tielet xhur kien qed jieħu xi ritratti tat-tajr meta sema' tliet tiri u xi tajr jaqa’. Irrakkonta kif ra raġel jiġri b’arma tan-nar u fl-id l-oħra kellu tajra.

“Mar in-naħa l-oħra tat-triq u ħareġ b’arma biss,” qal ix-xhud. Mar-rota, ix-xhud kellu kamera li ġibdet kollox, liema filmat jinsab għand il-Pulizija.

Intant, fil-Qorti ntqal ukoll kif mid-dar tal-akkużat ġew ikkonfiskati għadd ta’ tajr ibbalzmat.

L-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest

Fi tmiem is-seduta tal-lum, il-Qorti aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat fuq depożitu ta’ €3,000, garanzija personali ta’ €7,000 u ordni biex jiffirma darba fil-ġimgħa fl-Għassa.

Fil-bidu tas-seduta, il-Maġistrat infurmat lill-partijiet li s-sieħeb tagħha huwa membru tal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi Nassaba Konsevazzjonisti (FKNK) iżda l-ebda parti ma’ kellha oġġezzjoni għal dan.