‘Kollox qed jogħla’; tal-pastizzi jiddefendu ż-żieda fil-prezzijiet

Tal-pastizzi xi spejjeż għandhom? Għaliex ħassew li kellhom jgħollu? L-ILLUM titkellem ma’ produttur u sid ta’ bosta pastizzeriji madwar il-pajjiż...

Albert Gauci Cunningham / 30 t'Awwissu 2018 17:37
Il-prezz tal-pastizzi żdied b’10ċ u ħafna ħassew li dan ‘serq’
Il-pastizzi, sħan u tajbin, tliet soldi l-wieħed, erbgħa xelin. Hekk kienet tgħid id-diska żmien ilu. Illum m’għadhomx jiswew la tliet soldi u lanqas xelin, imma, €0.40, €0.10 iktar milli kienu sax-xahar li għadda.

U kienet din iż-żieda li qajmet xi ftit ta’ furur fuq il-midja soċjali u theddid mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni dwar allegat qbil bejn il-pastizzara kollha dwar żieda fil-prezzijiet, xi ħaġa li fil-fatt hija kontra l-liġi.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ wieħed mis-sidien ewlenin ta’ fabbriki illi jipproduċu l-pastizzi u l-ikel kollu li nsibu għand l-għexieren ta’ ħwienet madwar il-pajjiż. Staqsietu; imma għaliex ħassejtu li kellkom tgħollu l-prezzijiet?

“Għax kollox qed jogħla,” tkun ir-risposta prattikament awtomatika ta’ dan is-sid ta’ fabbrika.

“Jekk il-prodotti li bihom tipproduċi l-ikel, jogħlew u jibqgħu jogħlew fl-aħħar ikollok tagħmel dak li ma tantx tixtieq u tgħolli,” spjega magħna dan is-sid li għandu diversi ħwienet tal-pastizzi, iżda li pprefera illi jibqa’ anonimu.

Jekk jgħollilek il-ġobon, biex nagħtu eżampju b’20ċ, aħna nixtru bi kwantitajiet kbar u allura l-prezz jogħla. Dan jgħodd għal kollox, jekk hix irkotta, għaġina..”

Is-sid ifakkar illi dan apparti l-akbar spiża li għandu f’dawl biex jopera l-ħwienet tal-pastizzi. “Għal kull ħanut għandna nefqa ta’ €30 kuljum f’dawl, li jfisser madwar €900 kull xahar jew kważi €11,000 fis-sena.” Min-naħa l-oħra għall-fabbrika, jgħid lil din il-gazzetta, jikkalkulaw madwar €70 kuljum f’dawl, jew madwar €2,100 kull xahar jew €25,200 fis-sena.

L-ILLUM tfakkru iżda li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji kienu raħħsu fl-2014. Allura dan ma naqqasx il-piż? Is-sid ma tantx jaqbel u jgħid illi d-dawl xorta għadu “l-akbar spiża u xorta bqajna nħallu bejn u wieħed u ieħor l-istess ammont għad-dawl.”

Hu staqsa allura x’se jagħmel jekk għandu spiża kbira ta’ dawl u spejjeż jiżdiedu dejjem fl-ikel, jekk mhux iżid il-prezzijiet. Biex tgħaxxaq, jgħid lil din il-gazzetta li  “llum qed jinfirxu u jiftħu ħafna u allura x-xogħol jonqos xi ftit.”

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni, ġimgħa ilu sostniet illi ftehim dwar prezzijiet huwa projbit u l-produtturi jridu jistabilixxu l-prezz, individwalment u indipendentement minn xulxin. "Jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jikkunsidra li kien hemm xi ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, l-Uffiċċju jipproċedi kontra dawn l-intrapriżi skont il-liġi."

F’reazzjoni għal din l-istqarrija s-sid tal-fabbrika qal li lilu ħadd ma kellmu minn meta ddeċieda li jżid il-prezz tal-pastizzi b’€0.10.

‘Aħna qed nisirqu n-nies?’

Intant bosta akkużaw lil dawn il-pastizzara illi qed ‘jisirqu’ lin-nies b’żieda bħal din, f’daqqa.

Imma s-sid tal-kumpanija li tipproduċi l-pastizzi, tbissem. “Aħna qed nisirqu n-nies? Għax qed inżidu l-prezz tal-pastizzi b’€0.10? Jisraq lin-nies min iżommlok xi €10 għal popcorn jew mort kafetterija għal tlieta luminata (Maltija) żammli €9. Dak serq żgur!” sostna mal-ILLUM.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.