Opinjoni | Sajf imqanqal
Joe Ellis, il-kwistjoni Egrant u l-mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba
Joe Ellis /
22 t'Awwissu 2018 10:24

Ovvjament il-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant immexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja fit-22 ta’ Lulju 2018 ma setgħetx tgħaddi mingħajr ma tqanqal reazzjonijiet sostanzjali fis-soċjetà kif ukoll fil-kampi politiċi rispettivi. L-allegazzjonijiet illi saru fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia kienu illi teżisti “Declaration of Trust” fil-Bank Pilatus illi torbot l-kumpanija Egrant ma’ Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru.
Allegazzjoni oħra li saret fl-istess blog kienet illi minn kont ta’ kumpanija tad-Dubai, Al Żahra, li hi tat-tifla tal-mexxej dittatorjali tal-Ażerbajġan, ġew trasferiti flejjes kbar, inkluż ħlas wieħed ta’ aktar minn miljun dollaru, lill-kont li Egrant kellha f’bank id-Dubaj.
Il-Maġistrat Bugeja sema’ 477 xhud u qabbad diversi esperti lokali u barranin sabiex jgħinuh, kif ukoll bagħat ittri rogatorji f’diversi pajjiżi ħalli jagħmel mistoqsijiet u jitlob informazzjoni. Waħda mill-ittri rogatorji ntbagħtet il-Panama fejn xehdet il-persuna li allegatament iffirmat id-Declaration of Trust, Jaqueline Alexander. Xehdu wkoll persuni oħra bħal Juergen Mossack, l-avukat Panamiż, bin uffiċjal tal-SS li kien sab kenn il-Panama wara l-gwerra, li waqqaf id-ditta legali MossackFonseca. Din id-ditta kienet l-oġġett ta’ waħda mill-akbar hacks jew leaks diġitali fl-istorja li minnha tnisslu l-Panama Papers.
Il-Maġistrat Bugeja, ta’ professjonist veru li hu, kien ferm metodiku fil-ħidma tiegħu. Fil-konklużjonijiet tiegħu prattikament stabilixxa illi l-allegazzjonijiet kollha li saru ma kinux minnhom. Stabilixxa illi Jaqueline Alexander ċaħdet illi ffirmat id-Declaration of Trust inkwistjoni u illi fi kwalunkwe każ, il-firma fuq l-istess dikjarazzjoni rriżultat falza. Stabilixxa wkoll illi kien hemm diverġenzi serji bejn ix-xhieda tal-whistleblower Russa, Maria Efimova u Daphne Caruana Galizia.
L-istampa li toħroġ mill-qari tal-konklużjonijiet tal-inkjesta hi illi Efimova hi xhud qajla attendibbli għax jew ikkontradixxiet ruħha fil-kors tal-erba’ stanzi illi xehdet quddiem il-Maġistrat Bugeja jew dak li qalet ma ġiex ikkorroborat minn xhieda oħra. Il-Maġistrat Bugeja jissuġġerixxi wkoll fil-konklużjonijiet tiegħu illi Efimova seta’ kellha motiv talli għamlet l-allegazzjonijiet illi għamlet.
"Quddiem dan kollu, wieħed qajla jista’ jgħid illi d-dubji kollha li ilhom jeżistu dwar Egrant tneħħew għalkollox"
Fl-inkjesta jridu jinġabru l-provi illi mbagħad jintużaw fil-kumpilazzjoni tal-provi. Dejjem jekk jirriżulta illi hemm il-possibilità illi twettaq reat u hemm persuna jew aktar li lilu ġew imputati dawn ir-reati. Jista’ jkollok inkjesta illi ma tikkonkludix illi twettaq reat jew anke jekk twettaq, ma jkunx magħruf minn seta’ wettqu.
F’dan il-każ partikolari, il-maġistrat inkwirenti ċertament ma stabilixxiex illi Egrant hija tas-sinjura Muscat. Madankollu, l-anqas stabilixxa ta’ min effettivament kienet: jekk verament baqgħetx tal-awditur Brian Tonna jew le. Jista’ jkun li tali kompitu verament ma kienx jaqa’ fil-mansjonijiet tiegħu. Imma nimmaġina illi jekk wara ġbir daqshekk komprensiv ta’ xhieda kien jirriżulta ta’ min verament kienet Egrant, kieku l-Maġistrat Bugeja kien isemmiha fil-konklużjonijiet tiegħu bħala l-prova aħħarija illi din il-kumpanija verament ma kinetx ta’ Michelle Muscat. Madankollu, dan ma sarx u l-inkjesta baqgħet ma tat il-prova definittiva.
Wieħed għandu riservi oħra dwar ċertu aspetti tal-inkjesta. Wieħed kien jistenna illi ġaladarba ħareġ kuntrast daqshekk qawwi bejn ix-xhieda ta’ Maria Efimova u Daphne Caruana Galizia, il-maġistrat inkwirenti kien jirranġa sabiex isir konfront bejniethom. Ħasra li tali konfront ma sarx - u issa ovvjament ma jistax isir - għax kieku l-affarijiet forsi kienu jiċċaraw aktar.
Punt ieħor ta’ tħassib hu illi l-maġistrat inkwirenti qagħad fuq l-assigurazzjoni li tawh “esperti dwar is-software Bankarju Oracle Flexcube Universal Banking System li ħadmu fuq is-software bankarju tal-Bank Pilatus u kkonfermaw l-integrità tal-programm Oracle Flexcube użat mill-Bank Pilatus fl-operazzjonijiet tiegħu sa mill-ewwel jum tal-operazzjonijiet tiegħu” (p.1408).
Min huma dawn l-esperti u xi indaġini wettqu mhuwiex magħruf imma wieħed isibha diffiċli illi jeskludu b’mod assolut u kategoriku kwalunkwe forma ta’ manipulazzjoni tad-data fis-sistema informatika tal-bank inkwistjoni.
Element ieħor ta’ inċertezza hu l-fatt illi l-espert li qabbad il-maġistrat inkwirenti sabiex jeżamina l-firma ta’ Jacqueline Alexander ġiet deskritta bħala “Forensic Digital Analyst Elisabeth Briggs ta’ Key Forensic Services ta’ Coventry fl-Ingilterra, Renju Unit li analizzat il-kopji tad-declarations of trust esibiti fl-atti ta’ din l-inkjesta... u li wara li qablithom mal-firem oriġinali u awtentiċi ta’ Jaqueline Alexander sabet li dawn ma kinux jaqblu mal-firem ta’ Jaqueline Alexander. (pp. 1408-9).
"Element ieħor ta’ tħassib hu illi fil-waqt illi l-maġistrat inkwirenti żamm ruħu ffukat fuq l-inkjesta, ma jidhirx illi eżamina trejjaq alternattivi kif kwalunkwe maġistrat inkwirenti għandu jagħmel sabiex jipprova jasal għall-ipotesi ta’ reat"
Element ieħor ta’ tħassib hu illi fil-waqt illi l-maġistrat inkwirenti żamm ruħu ffukat fuq l-inkjesta, ma jidhirx illi eżamina trejjaq alternattivi kif kwalunkwe maġistrat inkwirenti għandu jagħmel sabiex jipprova jasal għall-ipotesi ta’ reat. Ġie rrappurtat illi Jaqueline Alexander kienet direttriċi fi 17,500 kumpanija. Kif jista’ jkun illi din kienet tiffirma d-dikjarazzjonijiet kollha ta’ dawn il-kumpaniji? Hu minnu illi kif qal il-maġistrat inkwirenti “mitt suspett ma jagħmlux prova”, imma b’daqshekk f’dan l-istadju, wieħed m’għandhux jiskonta s-suspetti kollha għaliex xogħol il-maġistrat inkwirenti mhuwiex illi jistabilixxi jekk persuna hijiex ħatja jew le imma jekk jeżistux elementi sabiex jinbdew proċeduri kriminali jew le.
Għaldaqstant fl-opinjoni umli tiegħi kien meħtieġ illi l-maġistrat inkwirenti jistabilixxi jekk din Jaqueline Alexander kinetx iffirmat l-inkartament kollu relatat ma’ Egrant jew le bħala l-unika direttriċi tagħha. Għax jekk jirriżulta illi kien hemm inkartament ieħor ta’ din il-kumpanija illi suppost kien iffirmat minn din Jaqueline Alexander imma ma kienx verament minnha ffirmat, allura l-affarijiet jieħdu xejra ferm differenti u wieħed jista’ jasal għal konklużjonijiet differenti.
Quddiem dan kollu, wieħed qajla jista’ jgħid illi d-dubji kollha li ilhom jeżistu dwar Egrant tneħħew għalkollox. Wieħed bilfors irid ifakkar illi kif jirriżulta minn email li ħarġet fil-Panama Papers, fil-waqt illi Karl Cini ta’ NexiaBT ma kellux problema illi jindika f’din l-email illi l-proprjetarji taż-żewġ kumpaniji illi twaqqfu flimkien ma’ Egrant kienu Konrad Mizzi u Keith Schembri, ried jiżvela l-proprjetarju ta’ Egrant biss permezz ta’ Skype għax kien persuna importanti ħafna.
Ma tantx treġġi l-ispjegazzjoni illi l-maġistrat inkwirenti aċċetta illi l-Ultimate Beneficial Owner ta’ Egrant kien Brian Tonna ta’ NexiaBT għax kieku żgur illi Karl Cini ma kien ikollu l-ebda diffikultà jinkludi ismu fl-istess email.
"Wieħed kien jistenna illi ġaladarba ħareġ kuntrast daqshekk qawwi bejn ix-xhieda ta’ Maria Efimova u Daphne Caruana Galizia, il-maġistrat inkwirenti kien jirranġa sabiex isir konfront bejniethom"
Ħafna huma tal-fehma illi l-azzjoni ta’ Delia kienet mgħaġġla wisq. L-ottika tagħha ċertament ma kienet xejn sabiħa : wieħed ma jissagrifikax kif ġieb u laħaq l-ebda esponenti ta’ partit, aħseb u ara eks kap fuq platt għax hekk talab il-kap tal-partit oppost. Kieku ried Delia seta’ jneħħilu l-whip lil Busuttil imma minflok prova jsostni l-pożizzjoni tiegħu bl-appoġġ tal-Kunsill Amministrattiv illi ġie rinfaċċjat b’fatt kompjut. Wara reżistenza għal din il-mossa fi ħdan il-Grupp Parlamentari u mhux biss, kollox baqa’ kif kien għalkemm ċertament illi l-atmosfera fi ħdan il-Partit Nazzjonalista mhijiex mill-aktar amikevoli
Delia kellu opportunità unika li jgħaqqad il-partit warajh fil-konfront tal-avversarju politiku tiegħu imma minflok għażel triq oħra li tista’ tkun fatali għalih u għall-aspirazzjonijiet tiegħu. Ħareġ minn din l-istorja mdgħajjef u b’awtorità mnaqqsa, kap ta’ partit maqsum u qajla kompetittiv. Il-Partit Laburista, mill-banda l-oħra, u l-mexxej tiegħu, Joseph Muscat, huma fis-seba’ sema u qajla jista’ jkollhom ċirkostanzi politiċi aħjar. Madankollu, jagħmlu sew iżommu saqajhom mal-art għax min jitla’ fl-għoli jieħu tisbita kbira. Fuq kollox il-Partit Laburista jrid jirreżisti t-tentazzjonijiet awtoritarji li jidhru għadhom ma nqerdux għalkollox minn żmien l-era Mintoffjana. Jekk jirxuxtaw dawn it-tendenzi ripressivi, ikunu qed jagħtu rigal politiku lin-Nazzjonalisti illi bħalissa huma stenduti fuq ir-ring imma ma jridux wisq biex jerġgħu jiġu fuq saqajhom u jfajru xi daqqa jew tnejn, speċjalment jekk tinbidel il-qagħda ekonomika...
[email protected]
Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.