Minn Mussolini sal-Konvoj – L-ILLUM tgħix il-gwerra ma’ Doris Cannataci

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Doris Cannataci, li għexet iż-żmien ikrah tal-gwerra iżda li wkoll kienet preżenti meta ntlemħu l-ewwel bastimenti li salvaw lil Malta u lill-Ewropa

Yendrick Cioffi / 15 t'Awwissu 2018 09:18
Doris Cannataci. Għandha 86 sena. Meta faqqgħet il-gwerra kellha tmien snin biss, iżda tirrakkonta dak li għaddiet minnu hi, ħutha u ommha, qisu l-ewwel attakk mill-ajru seħħ ilbieraħ. Fil-ġimgħa ta' Santa Marija, meta minkejja li ħafna minna ma niftakrux il-gwerra,  iżda għal xi raġuni jew oħra nibqgħu affaxxinati u nħossuni kburin bil-ġrajja tal-famuż konvoj, il-gazzetta ILLUM żaret lil din l-anzjana u flimkien għexna l-mumenti li mmarkawha u għamluha dik li hi.

Poġġejna bilqiegħda, u l-ewwel li għamilna kien li staqsejna lil Doris tirrakkuntalna l-ewwel memorja li għandha tal-gwerra. Ħsiebha dlonk mar għal dawk il-mumenti meta fid-dar tagħha, kif kien qed jiġri fid-djar kollha skont l-avviżi li kienu qed jinħarġu mill-Ingliżi, kienu qed jippreparaw għal attakk imminenti

Tiftakar meta tqassmu l-maskli tal-gass lil kull persuna f'Malta u Għawdex u tiftakar ukoll lil ħutha l-kbar (għax missierha kien miet ftit tax-xhur qabel) jissiġilaw it-twieqi u x-xquq tal-bibien minħabba xi gassijiet, u saħansitra tiftakarhom jippreparaw il-mejda tal-kamra tal-pranzu, bis-saqqijiet fuqha, sabiex jistkennu taħtha f'każ li ma jilħqux imorru għall-kenn tax-xelter.

Iżda forsi l-aktar mument li għadu mnaqqax ċar f'moħħha huwa dak il-ħin, fis-sebgħa ta' filgħaxija tal-10 ta' Ġunju tal-1940, meta kulħadd kien miġbur quddiem ir-Rediffusion, jisimgħu lil Benito Mussolini jiddikjara gwerra kontra Franza u l-Ingilterra.

L-ewwel attakk; ġirja mill-knisja għad-dar

Inqas minn tnax-il siegħa wara, waqt li Doris u tnejn minn ħutha kienu l-knisja, tinstema' għall-ewwel darba t-twerżiqa tas-sirena li min jaf kemm-il darba kellhom jisimgħuha. U x'sentimenti ta' twerwir kienet tnissel fihom!

"Fil-knisja nqala' kaos sħiħ. Għall-ewwel darba bdejna nisimgħu l-ħoss tal-bombi u tal-isparar. Min mar jistkenn wara l-artal u min mar f'xi rokna. Aħna, ta' tfal li konna, ridna mmorru ħdejn il-mamà, u tlaqna niġru 'l barra mill-knisja. Tista' timmaġina ommna; mara li għadha kemm tilfet lir-raġel, u tlieta minn uliedha jiġru barra. Lemaħna uffiċjal tal-ARP (Air Raid Precaution), ġie jiġri fuqna jgħidilna li ma nistgħux inkunu barra, u għidnielu li konna sejrin ħdejn ommna. Tlaqna niġru b'kemm għandna saħħa, dħalna d-dar, u ntfajna nistkennu taħt il-mejda," kompliet tirrakkonta Doris.

Wieħed jista' jimmaġina. Minn hemmhekk bdew tliet snin ta' biża', twerwir, inċertezza u diffikultajiet enormi.

Kien hawn li tkellimna dwar il-curfew. Immaġina llum, minn ċertu ħin malli tinżel ix-xemx, trid titfi d-dawl kollu u tissiġilla t-twieqi, ma jmurx minn xi xaqq joħroġ id-dawl ta' xi xemgħa li qed tnemnem. Tant kemm in-nies kienet imwerwra, li Doris Cannataci rrakkuntat kif ġieli  meta minn xi xaqq kien joħroġ id-dawl, kienu jmorru jħabbtulhom in-nies biex jitfu.

Iżda t-tbatija ma kinitx tasal sat-twerwir, u mal-ġenn fix-xelter, aktar ma beda dieħel iż-żmien, aktar beda jiskarsa l-ikel. L-għelieqi ftit li xejn kienu jinħadmu għax ħafna spiċċaw inqabdu suldati, u l-vapuri ma setgħux jiġu. Min kien se jissogra jbaħħar f'baħar mimli bastimenti navali u sottomarini?

Kien minħabba f'hekk li sabiex jibżgħu għall-ftit ikel li kien għad fadal kienu ħarġu l-ewwel ration cards. Doris tiftakar l-ewwel Soup Kitchen, propju għax ħafna tilfu d-dar u ma kellhomx fejn isajru, u l-ewwel Victory Kitchen f'Ħal Lija, miftuħa fit-3 ta' Jannar tal-1942.

“L-isem 'Victory' kien apposta sabiex il-moral jogħla xi ftit. Għax tinsiex, bħal dan iż-żmien konnha ngħixu f'biża’ kontinwu. Tant hu hekk li meta konnha niltaqgħu ma' xi ħbieb, minflok nistaqsuhom kif inhuma, bi skantament nistaqsuhom: ‘Mela int għadek ħaj?’

Jekk ma tkunx għalik...

Kien hawn li rrakkuntat dak li kien għadda minnu r-raġel tagħha, ovvjament dak iż-żmien tifel hu wkoll. "Kien sejjer l-iskola, iltaqa' ma' ħabib tiegħu Tas-Sliema. F'salt wieħed daqq l-air raid. Sieħbu mar naħa u hu mar in-naħa l-oħra biex jaqbad il-lanċa għall-Belt. Niżlet bomba. Sieħbu nqered u hu ħelisha... għax ma tkunx miktuba għalik."

Lura għall-Victory Kitchen, Doris tirrakkonta kif l-ikel kien ikun biżżejjed kemm titrejjaq, li kien jiswa sixpence, li għad dak iż-żmien kienu ħafna, u li kienu jimlew il-platti minn ġo borma kbira, dejjem miżjuda bl-ilma, bi ftit ħaxix jiġri.

"Tkun bil-ġuħ tiekol kollox," saħqet Cannataci. “Tant kemm kien hawn ġuħ f’Malta li l-Isqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Mauro Caruana, kien tkellem mal-Isqof ta’ Għawdex Mikiel Gonzi sabiex jgħin lil Malta u jibgħat xi ftit tad-dqiq. Immaġinak ma tikolx u ma torqodx. Malta kienet waslet biex iċċedi.”

Tiftakar ukoll fl-ittra pastorali li kienu ħarġu l-Isqfijiet għall-Għid: “Sagrifiċċji ġodda u akbar.” Kien iż-żmien li fih ir-ration kompla jonqos. “Immaġina bi kwart u nofs ħobża trid titma’ xi sitt persuni,” kompliet tirrakkonta Doris.

Minn Malta għal Għawdex

Minħabba li s-sitwazzjoni f’Għawdex kienet ftit aħjar minn dik ta’ Malta, il-familja ta’ Doris kienet telgħet tgħix għand xi ħbieb Għawdxin. Tirrakkonta l-vjaġġ li għamlu sal-vapur. Il-vjaġġ waħdu kien sogru. Biex tgħaxxaqha, malli waslu, il-vapur kien għadu kemm telaq.

Kien hawn li ħarġet santa antika u kollha mqattgħa tal-Madonna, li f’idha qed iżżomm il-Labtu tal-Karmnu u l-Kuruna tar-Rużarju. Din hija s-santa li ommha tant kienet tgħożż, u li kienet ħarġet dak il-ħin u talbet sabiex forsi l-vapur jieqaf.

“Ħaġa tal-iskantament, dak il-ħin il-vapur waqaf. Irkibna dgħajsa, qdifna sa ħdejh u tlajna fuqu u wasalna Għawdex.”

F’Għawdex ma kienx kollox ward u żahar. Ħutha l-kbar kellhom jinżlu f’Malta jaħdmu. Darba minnhom, ħuha l-kbir, kien tiela’ sabiex iżur lil ommu, iżda bid-dlam tal-curfew, il-vapur tilef it-triq, u tgħidx kemm damu biex waslu! “Tista’ timmaġina ommi kemm inkwetat,” kompliet Doris.

Ġara wkoll dak li ħafna kienu jibżgħu li jseħħ, u li ħafna esperjenzaw. Sakemm qegħdin Għawdex, bomba tolqot id-dar tagħhom. Parti minnha ġġarrfet u n-nies daħlet u ħadet il-ftit affarijiet li kien għad fadal.

Il-Konvoj; il-ġrajja mmarkata f’qalb Doris

Iżda wara li tajna ħarsa lejn il-ħajja ta’ dak iż-żmien, u dak li għaddiet minnu l-familja Cannataci, id-diskors, mingħajr ma ridna, waqa’ fuq il-Konvoj ta’ Santa Marija. Għal Doris din il-ġrajja hija wisq importanti, u wisq għal qalbha, u tinduna kemm verament huwa minnu  meta tismagħha tidħol fid-dettall tal-vjaġġ li għamel dak il-konvoj sakemm daħal għall-kenn tal-port Malti.

“Meta l-Ingliżi indunaw li Malta kienet se ċċedi riedu jagħmlu minn kollox biex isalvawha. Ma ridux li Malta tintilef. Kieku ġara hekk, l-eżitu tal-gwerra kien ikun differenti. Malta gżira żgħira, iżda l-pożizzjoni tagħha hija strateġika u importanti. Għal darbtejn salvajna lill-Ewropa,” tkompli tispjega Doris.

Kien hawn li bdiet tirrakkonta l-vjaġġ tal-erbatax-il bastiment li kellhom jaslu f’Malta. Uħud  mimlija sa ruħ ommhom bl-ikel u bil-famuż Ohio, li daħal proprju nhar Santa Marija, mimli petrol, żejt u pitrolju, li kienu importanti ħafna wkoll. Tant kemm kien importanti għall-Ingliżi li dawn jaslu f’Malta, illi bagħtu diversi bastimenti, tankers, sottomarini u saħansitra aircraft carriers sabiex jipproteġuhom.

F’dawn il-paġni ma għandniex biżżejjed spazju sabiex nidħlu fid-dettalji kollha li semmitilna Doris. Biżżejjed ngħidu li dan il-konvoj kien attakkat kontinwament, billejl u binhar mill-Ġermaniżi u t-Taljani li investew daqs l-Ingliżi, jekk mhux aktar, bil-għan li dawn qatt ma jaslu Malta. Tilfu ħajjithom mijiet ta’ suldati u membri tal-ekwipaġġ u ntilfu wkoll bastimenti u ajruplani, fosthom bastimenti li kienu parti mill-konvoj bl-ikel.

Darba waħda fix-xefaq tal-orriżont...

Wiċċ Doris xegħel, għajnejha mtlew bid-dmugħ u leħinha nkiser meta rrakkuntat kif fit-13 ta’ Awwissu dehru l-ewwel tliet bastimenti fix-xefaq tal-orrizont Malti.

Tirrakkonta kif l-aħbar inxterdet malajr u s-swar ta’ madwar il-Port il-Kbir imtlew b’eluf ta’ persuni, jsaffru, jgħajtu, ikantaw, ixejru l-imkatar u magħhom il-banda li d-daqq tagħha nħonoq bl-għajjat tan-nies.

“Xtaqna naqbżu l-baħar sabiex imorru nilqgħuhom... verament xena li ma ninsew qatt,” kompliet Doris. “In-nies bdew ikantaw, jiżfnu fit-toroq u jibku bil-ferħ.

Ma għandniex xi ngħidu, l-istess festa u entużjażmu, jekk mhux aktar, dehru fuq is-swar tal-Belt meta daħlu l-bastimenti kollha, b’mod partikolari nhar il-15 ta’ Awwissu, meta daħal l-Ohio.

“Kien verament imbiċċer. Kien impossibbli li jasal. Intlaqat sitt darbiet u kellu toqba enormi fuq quddiem, lanqas il-magni ma kienu qed jaħdmu. Donnu ma seta’ jegħreq b’xejn. Agħmlu minn kollox biex idaħħluh,”  kompliet Doris. “Kienu verament nies eroj. Raw bastimenti jinbelgħu mill-baħar, ajruplani neżlin, l-ilħna ta’ sħabhom qed jegħrqu u l-moral tagħhom jibqa’ b’saħħtu.

“Jien għalhekk vera kburija li jien Maltija. Aħna pajjiż żgħir u r-riżorsi tagħna fil-bniedem biss qegħdin.” kompliet tgħid Doris Cannataci, hija u titkellem fuq l-għaqda li dehret fost il-Maltin, mhux biss f’dawk il-jiem ta’ ferħ, iżda fil-mumenti l-aktar diffiċli tal-gwerra. Fi kliemha, kienet din l-istess imħabba u fraternità li żammet lill-poplu għaddej fi żminijiet meta Malta kienet għarkopptejha; “Kulħadd jaqsam ma’ xulxin, għax ħadd ma kellu xejn.”

Proprju għalhekk saħqet magħna li waħda mill-affarijiet li l-aktar idejquha llum huwa meta tara nies, ħbieb u familji jiġġieldu sempliċiment minħabba opinjonijiet differenti. “Aħna konnha tant magħqudin dejjem, u issa tant mifrudin. Kienet din l-għaqda li żammet lill-poplu għaddej.”

Ġrajja li mmarkat lil kull min esperjenzaha

Dawn il-ġrajjiet, anke dik tal-konvoj, lil Doris Cannataci mmarkawha kif immarkaw lin-nies kollha ta’ żmienha, iżda anke lilna li ġejna warajhom, għax irridu u ma rridux, dawn il-ġrajjiet huma parti importanti mill-istorja ta’ pajjiżna u mill-identità li tagħmilna Maltin.

Madanakollu, l-effett li ħallew fuq dawk li esperjenzawhom dirretament hija kbira, tant li mingħajr ma jridu jħarsu lejn il-ħajja b’mod differenti. Tkellimna ma’ Doris fuq ħafna affarijiet, fosthom il-ħela. Saħqet kif illum ħafna ma japprezzawx dak li għandhom għax ma jafux x’jiġifieri ma jkollok xejn. “Aħna ma stajniex naħlu, għax ma kellna xejn. Lanqas kont issib x’taħli” kompliet Doris. “Meta toħroġ u ma ssibx id-dar trid tibda kollox mill-bidu.”

L-għaqda anke dik fil-familja, fejn l-omm u l-missier ikunu preżenti, tibqa’ għażiża wisq għal Doris. “Aħna saħansitra kellna ndaħħlu lin-nies magħna fid-dar.”

Il-fsied ftit li xejn kien jeżisti u ma tantx kien hemm post għalih. Forsi għalhekk ukoll li nies bħal Doris telgħu indipendenti u maturi sa minn meta kienu żgħar.

“Trid tarani ta’ għaxar snin immur l-iskola jew naqdi ’l-ommi minn San Pawl il-Baħar għall- Belt. Biċċa mit-triq fuq xi karrettun, biċċa oħra nimxuha, u l-hena tagħna meta tgħaddi xi Jeep Amerikana u jrikkbuna fuqu. Bilfors trid tikber... illum kollox komdu u kollox ta’ dak il-ħin. Aħna mdorrijin nagħmlu sagrifiċċju minn meta konna żgħar.”

Illum Doris kibret, dawn l-esperjenzi għadhom parti importanti ħafna mill-ħajja tagħha u tixtieq taqsamhom ma’ kemm jista’ jkun nies. Tant hu hekk li s-sena li għaddiet ippubblikat l-awtobijografija tagħha, kollha mill-memorja, għax id-djarji li kellha taru kollha mal-bombi.

La għexet il-gwerra, drat ukoll tegħleb l-intoppi kollha. Meta ġiet biex tidħol l-Università ommha mardet, u peress li kienet tifla waħedha baqgħet iddur b’ommha, anke għax hi għamlet ħafna sagrifiċċji għaliha u għal ħutha. Iżda għaddew is-snin, iżżewġet, studjat Malta u barra, ħadmet, u wara li rtirat reġgħet marret l-Università, u sentejn ilu, ta’ 84 sena, ġabet ukoll id-Dottorat.