Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Jekk dilettant tal-films għandek x'tara din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 6 t'Awwissu 2018 10:35
Ant-Man and The Wasp

Atturi Ewlenin: Paul Rudd; Evangeline Lilly; Michael Pena; Walton Goggins; Judy Greer; Bobby Cannavale; Michelle Pfeiffer; Laurence Fishburne; Michael Douglas.

Direttur: Peyton Reed.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul 118 min.

Ċert. P.G

Mill-univers tal-kotba komiks Marvel, is-supereroj Ant-Man, ismu propju Scott Lang, qed jerġa' jidher fuq il-liżar ċinematografiku f'Ant-Man And The Wasp ,ħlieqa ta' David Michelinie u John Byrne. Waqt li Ant-Man li, permezz ta' sustanza kimikali kapaċi jbiddel il-qisien tiegħu waqt li xorta jippossedi saħħa qawwija, deher għall-ewwel darba fl-1962, The Wasp (iż-żunżana), l-alleata tiegħu, ukoll tat-tim The Avengers, kienet l-ewwel eroina li tfaċċat fi ktieb komik sena wara. Dan l-eroj ta' qalb tajba, li qabel kien ukoll ħalliel żgħir, meta jilbes il-libsa ta' Ant-Man kapaċi jikber u jiċkien kemm hemm bżonn. Fil-ftuħ, insibu lil Lang (Rudd) bħala missier iddedikat u devot ta' bintu, però jkollu jibbilanċja ħajtu wkoll bir-responsabilitajiet ta' supereroj. Hu jkun iffaċċjat minn Hope van Dyne (Lilly), jew The Wasp u mix-xjentist ħabib tal-passat, Dr. Hank Pym (Douglas) dwar missjoni urġenti. Flimkien ma' The Wasp dawn jaħdmu biex jiskopru sigriet mill-passat. Ant-Man And The Wasp jiżvolġi b'andament frisk, ferrieħi u eżileranti, b'żewġ qalbenin tassew jistinkaw qishom ħaġa waħda f'avventuri divertenti mimlija teknoloġija moderna u azzjoni ta' ħeffa. Biex wieħed jgħaddi sagħtejn verament ta' gost u pjaċir!

The Secret of Marrowbone.

Atturi Ewlenin: George MacKay; Anya Taylor-Joy; Charlie Heaton; Mia Goth; Nicola Harrison.

Direttur: Sergio G. Sanchez.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 110 min.

Ċert. 15

Mid-direttur Sergio G. Sanchez fid-debut tiegħu, li kiteb uħud mill-aqwa screenplays taċ-ċinema riċenti Spanjol, taħt l-influwenza hawn tal-produttur ħabibu J. A. Bayona, jasal film ieħor drammatiku, bi ħjiel tal-biża' u s-sopranaturali, The Secret Of Marrowbone . Wara vjaġġ skabruż minn Spanja għall-Amerika, fl-1969, Rose (Harrison), l-omm maħbuba ta' erba' wlied timrad gravi u tmut. Qabel tħalli din id-dinja, hi titfa' responsabilità kbira fuq Jack (MacKay), it-tifel il-kbir bili tgħidlu li għandu jżomm mewtha sigriet, biex flimkien ma' ħutu jkompli jgħixu fid-dar spazjuża tagħhom. Wara xi xhur, dawn ikunu ttormentati minn xi preżenza u jieħdu ftit tan-nifs meta jgħattu l-mirja kollha tad-dar. L-affarijiet imorru mill-ħażin għall-agħar meta Jack isir iħobb lil Allie (Taylor-Joy), għax meta din tidħol fid-dar l-avvenimenti tas-sopranaturali jerġgħu jimmanifestaw ruħhom mill-ġdid. The Secret Of Marrowbone jesibixxi atmosfera tetra kkaġunata l-aktar mid-dar pjutost mudlama u mhux fi stat tajjeb, li jgħixu fiha. Il-ħsejjes qawwija ta' sikwit, mgħejjuna mill-mużika huma l-aktar ingredjenti li jnisslu sens ta' twerwir. L-interess speċjali fit-tfulija u ż-żogħżija f'dan il-kwalità ta' ġeneru tant maħbub minn Bayona (bħal f'The Orphanage u The Impossible) jidhru li ħajru wkoll lil Sanchez.

Escape Plan 2

Atturi Ewlenin; Sylvestor Stallone; Dave Bautista; Huang Xiaoming; Jesse Metcalf; Titus Wellaver.

Direttur: Steven C. Miller.

Maħruġ minn Eden Cinemas.

Tul: 94 min.

Ċert. 15.

Ray Breslin (Stallone), disinjatur ta' ħabsijiet li minnhom suppost m'hemmx ċans li taħrab, kien jiftaħar li hu biss kapaċi jagħmel dan f'Escape Plan (2013). Wara li hu stess tħabat bil-kbir u ġġieled biex ħareġ mill-post sigriet The Tomb (il-qabar), xi snin wara, f' Escape Plan 2 (anki magħruf bħala Escape Plan: Hades), insibuh bħala organizzatur ta' grupp tas-sigurtà mill-aqwa. Meta wieħed mill-membri tiegħu ma' jidhirx aktar Breslin ikollu jerġa' jinżel fl-istess infern tas-snin ta' qabel biex jipprova jġibu lura. Mad-daqqa t'għajn, din il-produzzjoni ġdida tidher aktar interessanti mill-film ta' qabel. Teknikament superjuri, r-riżultat finali hu ferm il-bogħod minn hekk. Shu Ren (Xiaoming) jinħataf l jsib ruħu ġo l-iżjed ħabs sigur, mistur u elaborat li wieħed jista' jimmaġina. Dan hu post kompjuterizzat, mimli raġġi laser li sikwit ibiddel is-sura tiegħu. Ray, akkost ta' kollox, irid isib tarf fejn dan jinsab u bil-għajnuna ta' sħabu ta' qabel, kif ukoll ta' Trent Derosa (Bautista) imur ifittxu. Premessa li tidher tajba tkun irrovinata bi storja konfuża għall-aħħar, b'ħafna vjolenza brutali bla sens, anki bl-arti marzjali u b'kumbattimenti tant mgħaġġlin li tistordi ssib tarf jew tinduna eżatt z'qed jiġri f'dan il-post labirintiku msemmi HADES (High Ascent DEtention Service Prison), kelma li fil-mitoloġija tirreferi għall-infern. Fuq kollox, il-kuluri qawwija skuri u ġieli mudlama jkomplu jżidu fil-konfuzjoni. Ħdejn dan, l-ewwel xogħol hu kapulavur assolut ta' divertiment!