Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema ta' Ozo Group

'Wasal iż-żmien li s-settur turistiku...jipprovdi pagi u kundizzjonijiet aħjar milli qed jagħti s’issa'

Albert Gauci Cunningham / 2 t'Awwissu 2018 12:39
L-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv mal-GWU
Il-General Workers’ Union u l-kumpanija OzoGroup, fil-jiem li għaddew iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-kumpanija liema ftehim kollettiva ta żidiet sostanzjali fil-pagi tagħhom. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU Kenny Muscat stqarr li dan il-ftehim kollettiv hu importanti minħabba li għall-ewwel darba il-kumpanija li tipprovdi servizz ta’ ħaddiema lill-operaturi turistiċi qed iżżid il-pagi tal-ħaddiema tagħha: “Grazzi għal negozjati li saru ma’ diversi operaturi fil-qasam tal-ospitalità l-kumpanija OzoGroup kienet f’pożizzjoni li tagħti żidiet mistħoqqa lill-ħaddiema tagħha għaliex għarfet li s-suċċess li qed igawdu l-operaturi huwa proprju frott tal-istess ħidma ta’ dawn il-ħaddiema.” Tenna wkoll li grazzi għall-koperazzjoni u r-relazzjonijiet tajba li jeżistu bejn il-GWU u l-kumpanija OzoGroup, din il-kumpanija mhux biss implimentat mill-ewwel il-ftehim dwar il-paga minima kif milħuq is-sena li għaddiet, iżda ż-żidiet stabbiliti skont l-istess ftehim implimentathom fl-ewwel sena u ma ħalliethomx mifruxa fuq il-perjodu ta’ tliet snin.

Muscat saħaq li l-ftehim kollettiv ġdid milħuq bejn il-GWU u l-kumpanija OZOGroup – li tipprovdi l-maġġoranza tal-ħaddiema fil-qasam tal-ospitalità - huwa sinjal li wasal iż-żmien li anke l-operaturi turistiċi infushom jagħrfu l-ħtieġa li jżidu l-pagi lill-ħaddiema tagħhom: “Wasal iż-żmien li s-settur turistiku, li jinsab għaddej minn mument pożittiv, mill-ġdid jattira ħaddiema ġodda li jkunu lesti jibdew karriera f’dan il-qasam billi jipprovdi pagi u kundizzjonijiet aħjar milli qed jagħti s’issa. B’hekk biss nistgħu naċċertaw ruħna li nsaħħu u ntejbu s-servizz li qed jipprovdi bħalissa pajjiżna.”

Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Kenny Muscat u mir-raprezentanta Grace Calleja. Filwaqt li f’isem il-kumpanija OzoGroup il-ftehim kien iffirmat mill-Kap Ezekuttiv, Fabio Muscat.

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.