Opinjoni | Trattament mhux priġunerija

Il-Ministru Owen Bonnici dwar dik li sejjaħ bħala waħda mill-akbar deċiżjonjiet ta' Gvern Laburista

Ministru Owen Bonnici / 25 ta' Lulju 2018 09:57
Waħda mid-deċiżjonijiet maġġuri li ħadna fl-aħħar leġislatura hi l-bidla ċara u netta fil-mod ta' kif inħarsu lejn il-vittma tat-teħid tad-droga.

Waqt li qabel il-vittma tat-teħid tad-droga konna nħarsu lejh mill-punto di vista ta' xi ħadd li kiser il-liġi kriminali u allura għandu jerfa' responsabbiltà penali għal dak li għamel, ftit tas-snin ilu kellna l-kuraġġ li naqilbu l-paġna ta' kif nitrattaw dawn il-vittmi li fl-aħħar mill-aħħar huma l-istess membri tas-soċjetà tagħna.

Hekk kif qlibna l-paġna tliet snin ilu, bgħatna messaġġ b'saħħtu ħafna li aħna rridu li dawn il-persuni jingħataw kull opportunità biex joħorġu mill-vizzju li għakkishom u kissrilhom ħajjithom.

B'idi fuq qalbi ngħid li l-bidla li wettaqna ħadmet u tat il-frott.  Bis-saħħa ta' emendi li daħlu fis-seħħ proprju jumejn ilu dak it-tajjeb li wettaqna tliet snin ilu kompla jitjieb u jissaħħaħ.

Kif taħdem is-sistema

Tajjeb li nagħtu ftit informazzjoni ta' kif taħdem is-sistema l-ġdida u x'differenza din wettqet.

"Is-sistema l-antika kienet ittebba' l-fedina penali ta' dak li jkun b'mod li l-passat jerġa' jiġi lura biex jheżżu snin wara li tinqata' s-sentenza."
L-ewwel bidla li daħħalna tliet snin ilu kienet li kull min jinqabad b'pussess sempliċi ta' droga (jiġifieri ftit ammonti) ma jibqax jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati imma minflok jidher quddiem Kummissarju għall-Ġustizzja barra mill-Qorti. Dan il-Kummissarju għall-Ġustizzja hu social worker u mhux avukat u ma jistax jimponi pieni karċerarji imma biss multi. Fl-istess waqt jipprova jgħin lil dak li jkun li jmur għall-kura u joħroġ mill-vizzju. Jekk wara ċertu żmien jinstab ħati għat-tieni darba, allura hemmhekk jiġi riferut għal Bord apposta, immexxi mill-Imħallef Giovanni Bonello, li jtih programm li jrid jimxi miegħu sabiex joħroġ mill-vizzju. Jekk le, dak li jkun imbagħad ikun irid jerfa' l-konsegwenzi ta' għemilu.

Is-sitwazzjoni hi differenti fejn tidħol il-cannabis fejn hemm ferm inqas riġidità minn drogi oħra.

Kien hemm min qalli – imma qabel kull min kien jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati mhux xorta libertà kondizzjonata kien jeħel? Waqt li bħala regola hekk kien jiġri, hemm żewġ fatturi li jirrendu s-sistema tal-lum iktar superjuri minn dik ta' qabel. L-ewwel nett il-fatt li bniedem jingħata l-għajnuna biex joħroġ mill-vizzju b'mod li jinvolvi diversi professjonijiet u speċjalisti.  It-tieni nett is-sistema l-antika kienet ittebba' l-fedina penali ta' dak li jkun b'mod li l-passat jerġa' jiġi lura biex jheżżu snin wara li tinqata' s-sentenza.

It-tieni bidla kienet li min jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużat b'pussess ta' ammont ta' droga li juru li dak li jkun kien ibigħ id-droga biex imantni l-vizzju jibbenefikaw minn ċans ieħor.. Biex isir dan, il-Qorti trid tkun konvinta li l-persuna għandu dipendenza serjissima fuq id-droga u sussegwentement il-Board immexxi mill-Imħallef Bonello jiċċertifikah li ħareġ mill-vizzju. F'dak il-każ il-piena li jieħu tista' tkun waħda mhux ta' ħabs.

Qabel din ir-riforma l-Qorti kellha jdejha marbuta u anke jekk bniedem ikun ħareġ mill-vizzju l-Qorti ma jkollhiex għażla oħra għajr li titfgħu fil-ħabs.

Minn kemm ilha li daħlet ir-riforma fis-seħħ diġà kellna każ ta' bniedem li rnexxielu jagħmel dan kollu bir-riżultanza li l-Qorti ma imponitlux piena ta' ħabs u b'hekk seta' jkompli b'ħajtu u jkompli jibniha. Aħna rridu li iktar każijiet minn dawn jibbenefikaw mill-opportunitajiet li qed nagħtu u allura wessajna ftit ieħor il-parametri biex iktar vittmi tad-droga jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-opportunità.  Wessajna l-parametri billi issa, wara l-emendi anke l-persuni li qegħdin fi grad ta' appell jistgħu jibbenefikaw u jistgħu jibbenefikaw ukoll persuni li kienu fuq dipendenza imma matul il-proċeduri ħarġu minnha.

"Issa min jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużat b'pussess ta' ammont ta' droga li juru li dak li jkun kien ibigħ id-droga biex imantni l-vizzju jibbenefikaw minn ċans ieħor"
Konvint li bis-saħħa ta' dawn l-emendi se naraw iktar frott u riżultati pożittivi.

Ftit numri

Tajjeb li nagħtu ftit numri biex dak li jkun ikun jaf fuqhiex qed jitkellem.  Naħseb il-kelma numri lanqas tagħmel ġustizzja għaliex wara kull numru hemm persuna u wara kull persuna familja.

Fil-perjodu ta' bejn Jannar 2017 u Diċembru 2017, kien hemm ammont totali ta' 45 persuna li ġew riferuti lill-Board tal-Imħallef Bonello.  Għaxra minnhom kienu ġejjin mill-Qrati u 35 kienu ġejjin mill-Kummissarju għall-Ġustizzja. Fi kliem ieħor qed nitkellmu fuq 45 ruħ – li jirrappreżentaw warajhom 45 familja – li l-pajjiż qiegħed juri li jrid jgħinhom biex iqumu fuq saqajhom u jibqgħu mexjin. 

Dan l-ammont kien kważi n-nofs tal-ammont kollu ta' persuni li ġew referuti quddiem il-Board minn kemm ilha li għaddiet il-liġi (102). Naturalment hemm raġuni sempliċi għalhekk – iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar se jkun hemm nies li jkunu weħlu t-tieni sentenza ta' pussess sempliċi. 

Jiena nawgura li iktar persuni jgawdu minn din il-possibbilità tat-tieni ċans.

Il-ħajja sabiħa ħafna.  Irridu ngawduha u ngħixuha.