Il-kurituri tal-kunvent jirrakkontaw il-vjaġġ komuni tad-Dumnikani u l-Belt Valletta

Din hija t-tema ta' wirja li qed tittella' bħalissa fil-Kunvent tad-Dumnikani fil-Belt Valletta u li se tibqa' miftuħa sas-7 ta' Ottubru li ġej

Yendrick Cioffi / 27 ta' Lulju 2018 08:05
L-istorja ta' Malta ma tista' qatt tinfired mir-reliġjon li dejjem kienet protagonista fil-ġrajjiet li mmarkaw il-Poplu Malti u li baqgħu minsuġa fir-rakkonti li ntirtu minn ġenerazzjoni għal oħra. L-istess jgħodd għall-Belt Valletta, mhux biss għax inbniet wara r-rebħa tal-Ordni ta' San Ġwann fuq l-Imperu Ottoman, imma anke għax ordnijiet reliġjużi mxew mixja waħda mal-istorja tal-Kapitali.

Fil-fatt din hija t-tema ta' wirja li qed tittella' bħalissa fil-Kunvent tad-Dumnikani fil-Belt Valletta u li se tibqa' miftuħa sas-7 ta' Ottubru li ġej.

Il-wirja, organizzata minn Heritage Malta bil-kollaborazzjoni tal-Patrijiet Dumnikani, tirrakkonta 'l-vjaġġ komuni' li għamlu flimkien il-Belt Valletta u l-Ordni Dumnikan u tiċċelebra l-legat storiku, kulturali u artistiku li d-Dumnikani żviluppaw fil-Belt Valletta u anke l-viċinanza li l-patrijiet dejjem kellhom mal-komunità Beltija.

Il-kuratur ta' din il-wirja, Kenneth Cassar, dawwar lill-gazzetta ILLUM fil-kurituri tal-kunvent li normalment ikunu magħluqa għall-pubbliku iżda li għal dawn ix-xhur jinsabu miftuħin għal dawk kollha li jixtiequ jesperjenzaw din il-mixja fl-istorja

Fil-fatt din il-wirja hija mqassma b'tali mod li wieħed jesperjenza dan il-vjaġġ li għamlu flimkien id-Dumnikani u l-Belt Valletta mill-1566, is-sena li fiha tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-Belt il-ġdida sal-2018, is-sena li fiha qed niċċelebraw lill-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Malli tixref fil-bieb tal-kunvent issib jilqgħak lill-Papa Piju V, li wkoll inzerta Dumnikan, li mhux biss bagħat 30,000 fjorin tal-fidda biex il-Gran Mastru de Valletta jibni l-belt iffortifikata, iżda anke bagħat lill-inġinier tiegħu, Francesco Laparelli, biex jiddisinjaha.

Minn hemm, il-wirja tkompli tirrakkonta din l-istorja tad-Dumnikani fil-Belt Valletta, fosthom kif mill-1566, għal sentejn sħaħ, il-patrijiet kienu jaqsmu mill-Birgu, għall-belt il-ġdida biex jassistu spiritwalment lill-4,000 ħaddiem li kienu qed jibnu s-swar tal-Belt.

Dan sakemm Patri Damiano Taliana, Pirjol tal-Lunzjana u Vigarju Provinċjali tal-kunventi Dumnikani f'Malta, talab biċċa art biex fuqha jibni knisja u kunvent. Il-Gran Mastru Pietro del Monte laqa' t-talba u fl-1571 l-komunità Duminkana fetħet il-kunvent tagħha fil-Belt Valletta biex f'Lulju tal-istess sena twaqqfet il-parroċċa tal-Porto Salvo u San Duminku.

Mod uniku kif tirrakkonta l-istorja...

Interressanti wkoll il-mod li permezz tiegħu, din il-wirja, qed tirrakkonta l-istorja. Faċli tikteb kollox u tħalli lill-viżitatur jaqra dak li seħħ. Iżda għall-kuntrarju, din il-wirja tgħin lill-viżitatur jara b'għajnejh u kważi kważi jmiss b'idejh dawn l-452 sena ta' storja. Fil-fatt, il-wirja tinkludi għadd ta' pitturi, inċiżjonijiet, manuskritti, oġġetti tal-arti, oġġetti sagri u anke vestwarju, impoġġija f'sekwenza b'tali mod li jirrakkontaw l-istorja.

Il-wirja tinfirex ukoll fiż-żewġ oratorji mill-isbaħ li jinsabu f'dan il-kunvent, jiġifieri dak tal-Frattellanza tar-Rużarju u dak tas-Sagrament.

Għad-dilettanti tal-affarijiet sagri, fl-Oratorju tar-Rużarji wieħed isib diversi oġġetti li jintużaw matul is-sena liturġika fil-knisja tad-Dumnikani, fosthom kalċijiet, ir-relikwarju tal-festa u Bambini antiki, li jissimbolizzaw l-appoġġ spiritwali li d-Dumnikani dejjem offrew lill-komunità Beltija, iżda mhux biss.

Fil-fatt, fl-istess oratorju wieħed isib ukoll oġġetti, fosthom bewwiesa u anke kurċifiss li kienu jintużaw mill-fratelli tar-Rużarju waqt li kienu jkunu qed jakkumpanjaw lil dawk ikkundannati għall-mewt fl-aħħar sigħat ta' ħajjithom.

Id-Dumnikani kienu wkoll viċin ħafna tal-komunità Beltija fi żminijiet diffiċli, fosthom fi żmien il-pesta. Il-wirja tirrakkonta dan billi tesebixxi d-digriet li għolla lill-knisja tad-Dumnikani għad-Dinjità ta' Bażilika u anke l-privileġġ tal-muzzetta li jilbsu l-patrijiet fl-okkażjonijet speċjali. Fil-fatt, dawn iż-żewġ 'privileġġi' kienu ngħataw mill-Vatikan b'rikonoxximent għas-servizz li d-Dumnikani taw fiż-żmien ikrah tal-pesta.

L-aktar Dumnikan 'kurjuż'...

Forsi wieħed mill-aktar oġġetti interressanti f'din il-wirja mhuwiex xi kalċi jew xi pittura ta' Preti jew Calì, iżda ktejjeb żgħir li fih talb u l-liturġija bl-Għarbi, xi ħaġa rari jew mhux unika wkoll.

Dan kien tal-famuż Padre Ottomano, li l-istorja tiegħu trid wirja waħedha biex tirrakkontaha. Fil-qasir, skont il-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann dan kien l-ewwel tifel tas-Sultan Ibrahim, u allura l-eredi tat-tron Ottoman. Dan kien inħataf mill-Ordni ta' San Ġwann flimkien ma' ommu meta ħadu f'idhom bastiment kbir fl-1644.

L-istorja tirrakkonta kif dan it-tfajjel ingħata l-edukazzjoni f'Malta u spiċċa biex sar Patri  Dumnikan. Anke jekk x'aktarx mhux veru kien l-eredi tat-tron, l-Ordni ta' San Ġwann użah bħala propaganda biex juri l-qawwa tiegħu fuq l-Ottomani, tant li kienu saħansitra ppubblikati 'fuljetti' li wieħed minnhom, bi skrizzjoni Franċiża, jinsab għall-wiri fil-kuritur tal-kunvent. Padre Ottamano, li dwar l-istorja tiegħu hawn kotba sħaħ, għex l-aħħar snin tiegħu fil-kunvent tal-Belt.

Insomma, kull pass f'din il-wirja mhux biss jirrakkontalek storja iżda jippreżentalek personaġġi u oġġetti miżmuma b'għożża mid-Dumnikani u f'kollezzjonijiet nazzjonali u li jirrakkontaw elf ġrajja. Il-wirja qed tkun miftuħa kuljum, inkluż fil-Ħdud u fil-festi mill-10:00am sal-4:00pm. Id-dħul huwa b'xejn.