Mistura bl-ewwel vidjow mużikali għal kanzunetta ġdida

'Tuna Isimkom' se tkun parti mill-album il-ġdid li se joħroġ aktar tard din is-sena

Yendrick Cioffi / 18 ta' Lulju 2018 15:18
Il-grupp lokali Mistura, li huwa wieħed mill-ftit gruppi lokali li jdoqqu progressive rock bl-ilsien Malti, nieda l-ewwel vidjow mużikali tiegħu għall-kanzunetta 'Tuna Isimkom' mill-album il-ġdid li mistenni joħroġ aktar tard din is-sena.

Dan il-vidjow jinjkudi l-lirika tal-kanzunetta bil-għan li jasal aħjar il-messaġġ soċjali tal-kanzunetta u tal-album il-ġdid.

Mistura ddebuttaw fl-2012 fil-festival tal-Għanja tal-Poplu fejn ħadu l-premju WAFA għall-aqwa talent ġdid.

 Minn dak iż-żmien ’l hawn huma daqqew f’diversi attivitajiet, fosthom Rock the South, Teatru Unplugged, il-Farsons Great Beer Festival, l-Evenings on Campus, Notte Bianca u Kotra.

S’issa Mistura ħarġu studio album fl-2014 bl-isem “U d-Dinja Tkompli Ddur” u album live ta’ kunċert fl-2016 bl-isem “U l-Kotra Għajtet f’Daqqa”.

Aktar dettalji dwar l-album u t-tnedija tiegħu jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin fuq http://www.misturamalta.com.