Il-Poodle jsejjaħ....ittra miftuħa mingħand Pierre Portelli

Il-poodle hija rokna satirika minn korrispondent 'speċjali'...

Poodle / 11 ta' Lulju 2018 20:34
Il-poodle....
“Stilla” Għawdxija timmira ’l fuq

Mela ż-żagħżugħ Għawdxi Ryan Mercieca, li din il-ġimgħa tilef libell bil-fjokki kontra l-eks Editur tal-Orizzont Josef Caruana dwar taħwid finanzjarju li kien involut fih, anke waqt li kien kandidat tal-PN, jirriżulta li għadu qed jimmira ’l fuq, ħafna ’l fuq, fil-politika. 

Mercieca, miskin, għadu kemm iżżewweġ. Miskin mhux għax iżżewweġ tafx, imma għax ħafna qed iċaqċquhielu issa fil-Għawdex li, bl-iskop li ismu jagħmel il-qabża l-kbira fil-polza tal-vot f’elezzjoni oħra, ħa kunjom il-mara tiegħu – Cefai. 

Allura issa, bħala Ryan Cefai Mercieca, awtomatikament spara ftit postijiet mhux ħażin ’il fuq. Skont il-lista ta’ kandidati li l-PN ippreżenta fl-aħħar elezzjoni, issa jitla’ fit-tieni post u jekk Frederick Azzopardi jerġa’ jiddeċiedi li jirriżenja mill-politika, allura jkollu anke l-pole position. 

Ma nafx kif ma ppreżentax ċertifikat falz taż-żwieġ, kif għamel b’irċevuta fil-libell ta’ din il-ġimgħa, flok qagħad jieħu l-briga u l-ispiża li jiżżewweġ. Insomma hu x’inhu, ta’ min jgħid prooooooooooosit lil Ryan, għax hekk ikun l-ispirtu kompetittiv!!

 

Pierre Portelli
Ittra miftuħa lill-qarrejja kollha tal-Illum mingħand Pierre Portelli, factotum ta’ Adrian Delia u strateġista tal-Partit tagħna.

Għeżież qarrejja,

Jien Pierre Portelli u nixtieq niftaħ qalbi magħkom. Mhux għax għandi qalbi kbira tafux. Dawn l-aħħar ftit jiem jiena ġejt attakkat b’kunflitt ta’ interess minn David Thake u nies oħra li jgħiru għas-suċċessi tiegħu. Danakollu għax jien imexxi n-NET u ser ikolli programm tal-mara fuq in-NET. Nibda biex ngħid li jien ma għandix naqsam aktar mal-kumpanija tal-mara tiegħi. Naf li tafu li mhux veru imma emmnuni meta ngħidilkom li aħna professjonali u aħna ma naqsmux u nħalltu. Għax aħna, tinsiex, Nazzjonalisti u bħala Nazzjonalisti aħna qatt ma nfottu.

Jiena tlaqt mill-Independent u tlift balla liri għax inħobb lill-partit u fuq kollox ma nħobbx il-but. Tul ħajti qatt ma ħdimt għall-flus imma ħdimt għall-ideal u l-prinċipju.  Huwa għalhekk li meta smajt u qrajt x’qal David Thake jiena weġġajt. Weġġajt għax naf li David Thake huwa bniedem sinċier u onest. Bniedem li huwa rispettat għall-intelliġenza kbira tiegħu minkejja l-fatt li hawn min jaħseb li huwa imbeċċilli u kretin.  Kretin mhuwiex minkejja li jidher li qisu kretin imperjali.

Jiena nerġa’ ngħid li dan mhux kunflitt ta’ interess, il-kunflitti ta’ interessi ser tarawhom jekk nirbħu l-elezzjoni li bħalma tafu hija ħolma li biex iseħħ irid isir miraklu.

Imma bħalma tafu mirakli jsiru l-ħin kollu. Il-mirakli huma l-uniku tama li jista jkollna li npoġġu lil Adrian u lil Nicky ġewwa Kastilja. U mbgħad mhux programm fuq in-NET ikolli imma programmazzjoni fuq TVM u TVM2.  Imbagħad x’għala l-maws jekk tgħiduli kunflitt ta’ interess, busuli l-kukki, x’nitnejjek. Jien nagħmel li rrid u lil David Thake ngħidlu, cry baby cry għax xejn mhu ser iwaqqafni.

Sliem,

Pierre

 

 

Robert ma' Joseph
STOP PRESS STOP PRESS

 

Robert Abela għadu kif ħabbar li mhux ser jikkontesta għall-post ta’ leader tal-Partit glorjuż tagħna għax irid jagħti ċans għall-onestà u integrità ta’ Chris Fearne, li ħafna jixtiequ li jsir hu għax l-iktar wieħed li jaf jaqdi n-nies!

 

 

 

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina
Għada kif sar magħruf li Toni Bezzina ser jippreżenta lilu nnifsu għal lie detector li għadhom kif xtraw il-pulizija ta’ Maltija. Hemm inkwiet kbir li l-mudell li ġabu l-Pulizija ta’ Malta ma għandux biżżejjed inka u karta għall-gideb kollu li l-magna ser tkun qed tagħraf waqt l-esperiment volontarju ta’ Toninu tagħna.