Qorti | Tibki, tolfoq u tgħajjat 'qatlu pulizija'

Kompla jinstema' l-każ kontra Liam Debono akkużat bl-attentat ta' qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri

Yendrick Cioffi / 11 ta' Lulju 2018 15:55
Żagħżugħa, li rat lill-kuntistabbli Simon Schembri jittajjar u jitkaxkar 400 metru taħt il-karozza misjuqa minn Liam Debono, xehdet fil-Qorti u rrakkuntat dak li rat iseħħ quddiem għajnejha nhar il-15 ta' Mejju li għadda.

Hija rrakkuntat kif Simon Schembri kien għaddej bil-mutur meta għamel sinjal lil Debono, li kien qed isuq warajh, biex jieqaf. 

Schembri talbu l-ID card iżda s-sewwieq irrifjuta u għamel biss sinjal b'rasu. Kien hawn li l-kuntistabbli mar lura lejn il-mutur biex juża r-radju qabel ma rritorna lejn il-vettura li kien qed isuq Liam Debono, li għad għandu 17-il sena.

Kien hawn li Debono beda jsuq bil-mod u f'salt wieħed, sakemm Schembri għamillu sinjal biex jieqaf, Liam Debono għafas il-gass, għadda minn fuqu u żied l-veloċità.

"Minn dak il-ħin il-pulizija ma rajtux aktar. Rajt biss xi ħaġa ttir. Kienet ingwanta," qalet iż-żagħżugħa. Kien hawn hawn li ċemplet il-112 biex titlob l-għajnuna.

Fil-Qorti nstema' wkoll ir-recording ta' telefonata. Kienet tinstema biss tfajla tikbir, tolfoq u tinstema' tgħid 'għadhom kemm qatlu pulizija.'

Schembri kien għamel jiem jissielet għal ħajtu u saħansitra tilef idu l-leminija. 

Id-Difiża ma taqbilx li Liam Debono jgħaddi l-password tal-mowbajl

Intant, apparti minn hekk, l-espert tal-Qorti Keith Cutajar qal li għandu bżonn il-password tal-mowbajl tal-akkużat biex ikun jista' jaċċessah għall-investigazzjoni, iżda d-difiża ma qablitx għax saħqet li f'dan l-istadju l-akkużat ma jista' jipprovdi l-ebda evidenza.

Madanakollu l-Qorti, filwaqt li qalet li tifhem l-argument tad-difiża, insistiet li kienet hi li talbet li tinġabar l-informazzjoni minn fuq il-mowbajl.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, pulizija li arresta lil Debono qal li meta qal liż-żagħżugħ li seta' qatel lil Simon Schembri, Debono wieġeb: "Ħeqq, m'hemmx x'tagħmel!"