Opinjoni | Kultura tax-xifer

Malta mwaħħla, bħal qisha karozza li ilha pparkjata s-snin, tant li l-liċenzja ilha li skadiet ix-xhur bla ma ħadd induna

Ivan Bartolo / 11 ta' Lulju 2018 10:05
Malta mwaħħla. Imwaħħla bħalma jkun imwaħħal it-traffiku fit-tmienja ta’ filgħodu jew wara ġurnata xogħol meta kulħadd ikun fi triqtu lura lejn daru. Malta mwaħħla, bħal qisha karozza li ilha pparkjata s-snin, tant li l-liċenzja ilha li skadiet ix-xhur bla ma ħadd induna. 

Malta mwaħħla f’ diversi oqsma. Il-qasam li se nitkellem dwaru llum huwa qasam li ma jidhirx, imma jinfed u jaqsam il-qlub f’ mitt biċċa. Weġgħa infinita għal pajjiżna, li qed iħalli tebgħa f’ kull wirt li qed inħallu bil-miktub.   

Qed ngħaddu lil uliedna wirt kollu mibgħeda, kwadri ta’ subien bil-pistoli ma’ ras xulxin.  Qegħdin ngħaddu wirt lil tfal innoċenti, li ma jafux għaliex huma Nazzjonalisti jew Laburisti imma għax tal-familja rawmuhom b’dak il-mod u għax hekk jaqblilhom. Esperjenza twila b’ għeruq fondi.  Partiġġjaniżmu sfrenat. Din ir-realtà u din l-ossessjoni tidher fuq il-post tax-xogħol, fil-familji tagħna u f’oqsma differenti soċjali. Qisu awtomatikament, il-moħħ Malti jirraġuna f’termini ta’ aħna u huma, l-abjad u l-iswed, ma jeżistiex griż.

"Qed ngħaddu lil uliedna wirt kollu mibgħeda, kwadri ta’ subien bil-pistoli ma’ ras xulxin. Qegħdin ngħaddu wirt lil tfal innoċenti, li ma jafux għaliex huma Nazzjonalisti jew Laburisti imma għax tal-familja rawmuhom b’dak il-mod u għax hekk jaqblilhom"
Din hi l-kultura tax-xifer. Wasalna fl-assurd f’ dan il-pajjiż.  Imġiba ħażina ma’ kull kantuniera, kważi kważi normali fil-mentalità miskina. U l-Malti emmen li saħansitra din hija mġiba normali. Il-ħsieb biss ixekklek kontinwament. Dan kollu huwa rifless ta’ kriżi. Pajjiż li ġab lil kulħadd jitkellem waħdu. Kulħadd solitarju. Ħadd ma jafda lil ħadd. 

Bħal donnu l-ulied li wirtu qabel iż-żmien, biegħu d-dar li wirtu, bil-ġenituri anzjani spiċċaw traduti, spiċċaw bla dar, spiċċaw mifrudin, spiċċaw f’kamra mal-barranin, f’ kumpless mimli anzjani bla raġuni. Stejjer li jħalluk bla kliem, kulħadd friżat jew ħadd ma jifhmek.  Soċjetà tal-blieh, soċjetà falza b’ ideat baxxi.

Abitanti li biegħu d-djar tal-ġirien, biex l-akwata tagħhom tispiċċa f’wita, għall-gwadann personali tagħhom.  L-abitanti biegħu saħansitra lill-ġirien u saħansitra anki huma stess abbandunaw lill-istess triq u marru jgħixu fi triq oħra. U fit-triq ma fadal ħadd, ħlief art witja mimlija trab u baħħ.  Anki l-isem taż-żona biddlu biex ħadd ma jinduna bl-imkien. Kienet magħduda bħala l-aqwa żona tar-raħal, fejn fiha jgħixu bnedmin ta’ klassi għolja. Illum iż-żona saret magħrufa mal-baħħ, max-xejn. Saret magħrufa bħala ż-żona tal-jasar!    

Ħadd ma rrapporta xejn, u kollox waqa’ fuq ommu. Kollox baqa mistur. Din hi l-mentalità u l-kultura tax-xifer.   Kollox jidher li għaddej fuq ir-rubini, kulħadd ferħan u għaddej tajjeb. Minkejja li tara xeni ta’ bnedmin li jilagħbuha tal-ħielsa, timpressjonax ruħek. Mingħajr ma tinduna, dawn imdawrin bil-ktajjen, li mhux faċli jkissru, avolja kważi kważi taf li ser jifgawk. Għalhekk kultura tax-xifer. It-triq donnha tidher waħda dejqa u twila.  Int u miexi tkompli bid-dixxerniment, fejn b’ mod normali jaqbdek l-għatx, imma tibża’ tixrob, għax l-ilma tipprendih, għax taħseb li dak l-ilma kkontaminat b’fawwara tad-diżonestà u ta’ gideb.  

"Onestament iż-żgħir qata’ qalbu, l-aktar meta sar jaf li ż-żewġ tribujiet jingħaqdu bejniethom biex taż-żgħir jikxfuh u jagħmlu festa bih biex jgħattu tagħhom"
U l-għaqlin bħas-sriep miż-żewġ naħat tal-kamra jwasslu l-messaġġ lin-nies hemm barra, bħal qisu fil-binja Parlamentari hemm żewġ tribujiet kontra xulxin, kattivi ma’ xulxin  jgħaffġu minn fuq l-irjus, basta jwasslu dak li hu tajjeb u xieraq.  Mingħalihom li b’hekk se jsaffu lil Malta. Iħossuhom passatur, u kapaċi jigirfu ġisimhom, basta jwasslu lil ħuthom Maltin sad-destinazzjoni tas-suċċess.  

“X’soċjetà hi din? X’dinja hi din?”  itenni l-Malti ż-żgħir. Li kien għalih jaqbad il-barżakka bi ħwejġu u jitlaq f’pajjiż  ’il bogħod, fejn la jara u lanqas jisma’ dwar qrabatu u wisq aktar dwar il-gżira tal-isponoż li tagħtu isem u identità.   Onestament iż-żgħir qata’ qalbu, l-aktar meta sar jaf  li ż-żewġ tribujiet jingħaqdu bejniethom biex taż-żgħir jikxfuh u jagħmlu festa bih biex jgħattu tagħhom. Kapaċi jgħawġu u jrattbu l-verità sakemm iġibuha tal-lastiku, b’mod li jista’ jemminha kulħadd. 

Forsi m’intix ser tifhem mill-ewwel il-kitba tiegħi llum. Hija wisq filosofika.  Forsi tifhimha maż-żmien. Forsi...  għax ġibtlek rispett, ħejjejtlek aktar it-triq biex tobogħdni. Dan kollu għax għidtlek il-verità. Nippreferi tobogħdni għax għidtlek il-verità milli tadurani għaliex inkun gdibtlek.  

Magħruf l-aktar bħala preżentatur tar-radju u t-televiżjoni, l-aktar fi programmi ta' ġeneru soċjali. Kellu diversi esperjenzi l-aktar f'xogħol komunitarju magħruf aħjar bħala żvilupp fil-Komunità. Kien Editur għal sentejn sħaħ ta' gazzetta lokali li kienet titqassam b'xejn darba fil-ġimgħa. F'Ottubru li ġej jippubblika l-ħolma li dejjem kellu, l-ewwel ktieb tiegħu bl-isem ta' "Jien Miljunarju."