Opinjoni | Żminijiet xejn sbieħ

Mhix xi ħaġa ġdida illi jkun hemm min jakkwista l-poter billi jkeskes il-biża’ tal-barranin, ta’ min hu differenti...

Joe Ellis / 7 ta' Lulju 2018 19:22
Ninsabu tassew fi żminijiet koroh. Min qatt kien jimmaġina illi ser nispiċċaw naraw tfal taħt l-età xi wħud minnhom għadhom bil-ħarqa miżmumin f’gaġeġ wara illi nfirdu mill-ġenituri tagħhom. Ġenituri illi naqbdu jidħlu fl-Istati Uniti illegalment. Ġenituri illi spiss għamlu dan il-pass għax ma kellhomx triq oħra imma jaħarbu minn fejn kienu.

Mhix xi ħaġa ġdida illi jkun hemm min jakkwista l-poter billi jkeskes il-biża’ tal-barranin, ta’ min hu differenti, ta’ min għandu orjentazzjoni sesswali differenti, ta’ min  għandu sess differenti, ta’ min għandu ġilda differenti, ta’ min għandu twemmin differenti. It-Tieni Gwerra Dinjija kienet anke r-riżultat ta’ min ħa l-poter billi keskes il-poplu kontra l-Lhud, l-omosesswali, iż-żingari u oħrajn. U taħsbux illi din il-xenofobija (mill-Grieg “mibgħeda tal-barranin”) kienet limitata għat-Tedeski. 

Il-pogroms tal-Lhud kienu ilhom iseħħu fir-Russja u fil-Polonja u l-antisemitiżmu kien mifrux sew anke fi Franza u f’pajjiżi okkupati oħra. L-Italja wkoll għaddiet liġijiet anti-razzjali fl-1938 bir-riżultat li ħafna Lhud kellhom jitilqu. U qatt ma ngħatat spjegazzjoni ċara għala l-allejati ma bbumbardjawx il-kampijiet ta’ konċentrament tedeski minkejja illi kienu jafu bil-kampanja ta’ sterminju li kienet għaddejja. Il-qerda tal-magna tal-mewt Tedeska evidentement ma tqisietx bħala objettiv militari bħall-bumbardament ta’ ħafna bliet Tedeski. Insomma l-mibgħeda kontra l-Lhud u kontra l-barranin kien fenomenu pjuttost mifrux mal-Ewropa bir-riżultati traġiċi li nafu.

Jekk immorru aktar lura fl-istorja, insibu illi l-minoranzi etniċi fl-Ewropa, il-Lhud u l-Misilmin spiss ġew persegwitati speċjalment mir-renjanti spanjoli.  Bosta Lhud ingħataw kenn mis-sultan ottoman fid-dominji tiegħu, sultan illi kien aktar illuminat mill-kontemporanji Ewropej tiegħu u mis-suċċessuri Repubblikani tiegħu. 

Minkejja illi kien jipproklama ruħu bħala l-kaliff tal-Misilmin, kien jittolera l-Insara u l-Lhud fl-imperu tiegħu. L-Insara kienu għal bosta sekli s-sinsla tal-amministrazzjoni ċivili tal-Imperu Ottoman. Kien biss lejn l-aħħar tal-Imperu Ottoman meta s-sultan ma baqax f’saħħtu illi seħħet il-persekuzzjoni terribli tal-armeni, persekuzzjoni illi r-Repubblika Torka għadha sal-lum ma tirrikonoxxix. Din kienet il-prekursur ta’ dak illi seħħ fis-snin ta’ wara u speċjalment, fit-Tieni Gwerra Dinjija.

"eħtieġ politika illi verament tpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tagħha, anke jekk ikun ta’ kulur jew reliġjon differenti"
Tassew l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin kienu snin imdemmija b’żewġ konflitti kbar illi fnew l-Ewropa u ħallew miljuni ta’ vittmi. U kien minħabba l-esperjenza qarsa ta’ dawn il-konflitti illi fis-snin ta’ wara l-gwerra kien hemm determinazzjoni qawwija sabiex ma jirrepetux ruħhom dawn l-avvenimenti traġiċi.

Twieldet ordni mondjali ġdida b’istituzzjonijiet bħall-Ġnus Magħquda li wieħed kien jittama li kienet ser tkun aktar effettiva mil-Lega tan-Nazzjonijiet ta’ bejn il-Gwerer u l-Fond Monetarju Internazzjonali sabiex jirregola s-sistema finanzjarja tad-dinja kapitalista.  Fl-Ewropa saru l-ewwel passi għar-rikonċiljazzjoni Franko-Tedeska li hija l-mutur propulsiv tal-għaqda Ewropea, passi li għamluhom ġganti bħall-Ministru tal-affarijiet barranin Franċiż Robert Schumann, il-kanċellier Tedesk Konrad Adenauer u anke l-Prim Ministru Taljan, Alcide DeGasperi,  ilkoll, forsi mhux każwalment, individwi ta’ fidi Nisranija qawwija.

Minn dawn l-isforzi l-ewwel twieled il-Kunsill tal-Ewropa illi nieda l-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem illi kien u għadu strument rivoluzzjonarju illi jagħti liċ-ċittadini Ewropej rimedju supranazzjonali għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Bosta kienu u għadhom il-każijiet ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali illi ġew rimedjati mill-Qorti mwaqqfa b’dina l-Konvenzjoni. M’għadna nilludu ruħna qatt illi xi darba ma jibqgħux jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u għalhekk, hemm il-ħtieġa ta’ viġilanza kontinwa u istituzzjonijiet permanenti bħalma hi l-Qorti Ewropea li għandha sservi ta’ mudell għal reġjuni oħra fid-dinja.

Wara l-Kunsill tal-Ewropa, l-ewwel twieldet il-Kommunità tal-Faħam u Azzar li bit-Trattat ta’ Ruma saret is-Suq Komuni. Mas-sitt pajjiżi fundaturi, il-Ġermanja, Franza u l-Italja u t-tliet pajjiżi tal-Benelux, l-Olanda, il-Belġju u l-Lussemburgu, fl-1973 daħlu wkoll ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka. Imbagħad wara r-ritorn tad-demokrazija, daħlu Spanja, il-Portugall u l-Greċja.  Eventwalment, anke aħna dħalna flimkien mal-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa li kienu għadhom kemm ħelsu mill-madmad tal-kommuniżmu.

Il-filosofija ta’ dik li llum tissejjaħ l-Unjoni Ewropea hi illi aktar jagħmel sens illi naffaċjaw il-problemi komuni flimkien fuq bażi Pan-Ewropea milli bħala pajjiżi individwali. L-azzjoni komuni trid tkun ippernjata fuq is-solidarjetà bejn il-pajjiżi membri mentri l-moviment ħieles ta’ prodotti, servizzi, kapital u nies jistimula l-iżvilupp ekonomiku. Għal żmien twil, ir-riċetta ewropea ħadmet imma wara l-aħħar kriżi finanzjarja, bdew jidhru xquq serji fl-għaqda Ewropea.

"Jekk ser inħallu l-profeti tal-lemin estrem populista u sovranista jkomplu jxerdu l-mibgħeda u jipprattikaw l-intolleranza speċjalment kontra l-Misilmin qisu xejn mhu xejn, nistgħu nerġgħu nispiċċaw kif spiċċajna kważi tmenin snin ilu bil-Lhud"
Minbarra d-deċiżjoni tar-Renju Unit illi toħroġ mill-Unjoni, deċiżjoni frott l-eċċezzjonaliżmu arroganti brittaniku illi jrid ikun dejjem differenti minn ħaddieħor f’kollox, il-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa speċjalment l-Ungerija u l-Polonja qed iwettqu politika xejn konsonanti mal-valuri Ewropej, qed jirrifjutaw illi jagħtu sehemhom sabiex jinġarr il-piż tal-immigrazzjoni u qed jheddu bil-kbir l-istituzzjonijiet demokratiċi b’bosta miżuri li jadottaw. Dan filwaqt illi qed jibbenefikaw minn għajnuna Ewropea massiċa.

Rajna dan l-aħħar lil Viktor Orban jirbaħ l-elezzjoni fl-Ungerija billi jagħmel kampanja bla waqfien kontra l-immigrazzjoni minkejja illi l-Ungerija qajla tbati minn dan il-fenomenu. Orban ħadha wkoll qatta’ bla ħabel kontra l-filantropu biljunarju Lhudi George Soros li twieled l-Ungerija u kien iffinanzja l-edukazzjoni tal-istess Orban fir-Renju Unit wara l-waqgħa tal-komuniżmu. Soros jiffinanzja proġetti ta’ ispirazzjoni liberali u dan jirrita lil Orban illi jiftaħar illi jrid iwaqqaf demokrazija illiberali u demokristjana u ma jħalliex dak li jsejjaħ l-invażjoni islamika tal-Ewropa.  L-isteriżmu ta’ Orban ta lok din il-ġimgħa għal-liġi ġdida illi tagħmilha llegali titlob ażil politiku fl-Ungerija u tikkriminalizza dawk li jippruvaw igħinu lir-rifuġjati.  Fl-istess waqt play ta’ Billy Elliott ġiet ikkanċellata wara kampanja qalila fl-istampa pro-governattiva illi din l-play ser iddawwar liż-żgħażagħ Ungeriżi f’omosesswali.

Meta twaqqaf il-gvern il-ġdid Taljan, Orban ma ċempilx lill-Prim Ministru Conte kif il-protokoll kien jitlob imma lil Matteo Salvini, mexxej tal-Lega u ministru tal-intern.  Salvini qed jieħu r-riedni tal-Gvern Taljan f’idejh minkejja illi l-partit tiegħu għandu biss nofs il-voti tal-Moviment 5Stelle.  Permezz ta’ proklami kontinwi qed jiddetta pożizzjoni iebsa fuq l-immigrazzjoni u f’temp ta’ ħmistax offenda lit-Tuneżija, lil Malta u lil Franza.  Kemm hu kif ukoll il-Ministru tal-infrastruttura l-ġdid Taljan Danilo Toninelli tal-M5S qed joħduha qatta’ bla ħabel kontra l-organizzazzjonijiet illi qed isalvaw lill-immigranti mill-għarqa fil-Mediterran u jridu jikkmandaw lil Malta tilqa’ jew ma tilqax dawn ir-rifuġjati.

Erġajna lura għaż-żminijiet fejn vapuri jkollhom isalpaw minn port għal ieħor bla ma ħadd ma jrid jilqagħhom, qishom persuni impestati. Erġajna lura għaż-żminijiet fejn nies bħal Orban, Salvini u Trump jagħmlu l-politika u jakkwistaw il-poter billi jkesksu kontra l-immigranti.  Qisu l-problemi kollha ser jiġu riżolti jekk ma jkunx hemm immigrazzjoni. U mingħajr ma wieħed jirrikonoxxi l-kontribut kbir ekonomiku illi dawn l-immigranti, li spiss ikunu l-aktar nies intraprendenti fis-soċjetajiet tagħhom, jagħtu f’kull pajjiż fejn jgħixu.

Huma tassew nies bla qalb u mingħajr valuri ta’ xejn dawk il-mexxejja illi jħallu min ħarab mill-infern libiku u mill-għarqa fil-Mediterran  jiġġerrew fuq vapur mingħajr ma jagħtihom kenn. Jew li jifred lit-tfal anke jekk ta’ ftit xhur mill-ġenituri tagħhom, ġenituri li spiss kellhom jaħarbu mill-vjolenza bla kontroll jew il-faqar u l-miżerja f’pajjiżhom biex iżommhom f’gaġeġ bla dinjità ta’ xejn. Quddiem dan il-vojt morali ta’ bosta mexxejja, wieħed ma jridx jinħeba wara dak li hu legali u mhuwiex imma jrid jagħmel dak li hu moralment korrett u meħtieġ.

L-isfortuna hi li ma nitgħallmux mill-istorja u nħallu l-iżbalji tal-passat jirrepetu ruħhom. L-Italja darba esperementat b’Duce għax emmnet illi ser isolvilha l-problemi tagħha.  U nafu lkoll kif spiċċat l-istorja.  M’hemm l-ebda raġuni għala dak li llum qed jippreżenta ruħu bħala s-salvatur tal-Italja  b’soluzzjonijiet faċli għal kull problema li għandha ser jirnexxielu fejn ma rnexxielhomx ta’ qablu.  Mhix id-demaġoġija li ssolvi l-problemi imma l-kooperazzjoni u solidarjetà interazzjonali. Il-problemi ma jissolvewx bit-tkissir  tal-istrutturi illi evolvew matul is-snin kif iridu l-populisti u s-sovranisti li jridu jirritornaw għaż-żminijiet fejn kulħadd kien prattikament jaġixxi għal rasu.

"Tassew qed ngħixu fi żminijiet xejn sbieħ u rridu nieħdu ħsieb niddefendu l-valuri u l-libertajiet li għandna qabel ma jkun tard wisq"
Imma wieħed ma jistax jerġa’ lura fiż-żmien. Qed naraw id-diffikultajiet enormi illi r-Renju Unit qed taffaċja sabiex toħroġ mill-UE. Fil-proċess, kemm hi kif ukoll l-UE ser jiddgħajfu u dan frott il-kapriċċi Brittaniċi. U l-Italja bid-dejn massiċċ tagħha hi f’pożizzjoni ferm aktar dgħajfa u vulnerabbli, dgħufija li l-ebda proklama ta’ Salvini mhu ser tgħatti.

Illum aktar minn qatt qabel hemm il-ħtieġa ta’ politika komuni f’bosta oqsma u fir-rigward tal-immigrazzjoni xejn anqas. Bit-tnaqqis demografiku fl-Ewropa, dejjem ser tinħass aktar il-ħtieġa ta’ barranin sabiex l-ekonomija tkompli għaddejja. Li l-Ewropa tibqa’ fortizza ma jagħmilx sens, speċjalment mil-lat ekonomiku. Minflok, trid titfassal politika komunitarja għall-immigrazzjoni regulata u legali u fl-istess ħin tikkuntrasta dik illegali.  Il-politiċi illi qegħdin jirkbu fuq id-dahar ta’ politika xenofoba kontra l-barranin għandhom jiġu kkuntrastjati u l-qerq u l-gideb tagħhom espost. Jeħtieġ politika illi verament tpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tagħha, anke jekk ikun ta’ kulur jew reliġjon differenti.  M’għandniex nibżgħu noħoduha kontra min qed ixerred il-mibgħeda, speċjalment fuq il-media soċjali, b’aħbarijiet foloz u infjammatorji. 

Jekk ser inħallu l-profeti tal-lemin estrem populista u sovranista jkomplu jxerdu l-mibgħeda u jipprattikaw l-intolleranza speċjalment kontra l-Misilmin qisu xejn mhu xejn, nistgħu nerġgħu nispiċċaw kif spiċċajna kważi tmenin snin ilu bil-Lhud. Ħafna forsi jaħsbu illi dan hu diskors alarmista imma jiena nħoss illi hu realista. U dana speċjalment xħin tara l-attakki kontinwi sottili ta’ Putin u ferm anqas sottili ta’ Trump fuq l-Ewropa li evidentement qed tagħtihom f’għajnhom. Tassew qed ngħixu fi żminijiet xejn sbieħ u rridu nieħdu ħsieb niddefendu l-valuri u l-libertajiet li għandna qabel ma jkun tard wisq.

[email protected]

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.