Editorjal | Prinċipju jew le?

'Anke jekk mhux neċessarjament naqblu mal-prinċipji tagħha fuq is-suġġett, konna nammirawha ħafna aktar li kieku dawk il-prinċipji poġġiethom fil-prattika'

Albert Gauci Cunningham / 26 ta' Ġunju 2018 18:37
Kulħadd jitkellem dwar il-prinċipji u xi kultant issib lilek innifsek tistaqsi jekk il-prinċipju hux xi biċċa chewing-gum li jintuża kif u meta xi ħadd jaqbillu.

Il-President Marie Louise Coleiro Preca, hija mara tal-poplu. Ħafna nies iħobbuha u kienu u għadhom jaraw fiha persuna illi żżomm mal-prinċipju li tgħin u ssostni liż-żgħir, li tgħolli lill-vulnerabbli u li anke meta fis-siġġu tal-poter tibqa’ umli. Jiddispjaċina ngħidu illi kien ikun aħjar għall-President li ma qalet xejn milli insistiet fuq dak li vera temmen fih qabel ma’ ffirmat il-Liġi kif emendata tal-IVF. U se ngħidu għaliex.

Mhux se nidħlu fuq l-emendi per se, li issa huma liġi. Imma kulħadd jaf illi tajjeb jew ħażin dawn l-emendi qajmu ħafna kontroversja bil-Gvern, numru ta’ tobba u ħafna persuni miegħu jgħidu illi dawn qed jgħinu lill-koppji infertili biex ikollhom it-tfal. L-Oppożizzjoni, il-Gift of Life, numru ta’ tobba u ħafna magħhom qalu illi dawn l-emendi huma sagrileġġ, għax qed jiffriżaw l-embrijun li huwa ħajja umana jew il-bidu ta’ dik il-ħajja umana.

"Mela la l-President Coleiro Preca tant temmen li l-embrijun huwa uman li jrid jiżviluppa b’mod normali, u allura fi kliem ieħor mhux iffiriżat, għaliex aċċettat li tiffirma?"
Issa ladarba, fi stqarrija nhar il-Ħamis li għadda, il-President tar-Repubblika tat l-opinjoni tagħha, ċertu ammont ta’ kritika tiġi naturali. Mhux tant dwar l-emendi infushom, imma aktar dwar il-fatt li xorta sostniet li se tiffirma minkejja li dak li se tiffirma jmur kompletament il-kontra ta’ dak li temmen hi. Tant hu hekk li biex ma jkunx hemm xrara ta’ dubju Coleiro Preca sostniet hekk; “Jiena nibqa’ nemmen li d-dinjità umana u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem għandhom jiġu rispettati u mħarsa mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali.”

“Kull bniedem, anke fi stat embrijoniku, m’għandu qatt jiġi użat bħala oġġett jew li intenzjonalment jitpoġġa f’riskju li ma jkomplix jiżviluppa b’mod normali.  L-isfida tas-soċjetà tagħna hija li tkompli tipproteġi lil kull min huwa dgħajjef, inkluż l-embrijun.”

Mela la l-President Coleiro Preca tant temmen li l-embrijun huwa uman li jrid jiżviluppa b’mod normali, u allura fi kliem ieħor mhux iffiriżat, għaliex aċċettat li tiffirma?

Għax hekk hija obbligata bil-liġi, hemm min jgħid. Vera, hekk hu. Imma kellha għażla oħra Marie Louise Coleiro Preca. Kellha l-għażla li tpoġġi l-prinċipji tagħha qabel kull liġi, tirrifjuta li tiffirma u tirreżenja. Il-liġi xorta kienet tgħaddi għax kien jiffirmaha President ġdid.

Il-fatt li dan ma sarx wassal għal ħafna kritika, ħafna minnha leġittima, li forsi l-President ma xtaqitx iċċaqlaq wisq l-ilmijiet u fil-proċess toqtol il-possibilità ta’ karriera politika twila u popolari, kif dejjem kellha s’issa.

"Huwa veru li l-President ma’ kellha ebda dritt twaqqaf din il-liġi milli tidħol fis-seħħ ladarba l-Parlament għaddieha b’maġġoranza, iżda setgħet faċilment għamlet l-ispazju biex jiffirmaha xi ħadd ieħor li l-kuxjenza "
Allura jekk lanqas il-President ma trid iċċaqlaq l-ilmijiet u lesta turi li qed tmur kontra l-prinċipju biex ma tidhirx li qisha ‘tradiet’ lil xi ħadd, mhux bilfors il-poplu jistaqsi għaliex qatt għandu jagħmel dan hu!

Dan mhux editorjal biex nippruvaw inħammġu jew inċappsu lill-President Coleiro Preca u kull min se jipprova jagħmel dan se jkun qiegħed jittrradixxi l-ispirtu illi fih dan l-editorjal inkiteb.

Dan l-editorjal qiegħed biss jinkiteb għax ġaladarba l-President esprimiet l-opinjoni tagħha, li magħha ħafna jaqblu u ħafna oħrajn le, kien kontradittorju li mbagħad xorta qalet li se tiffirma biex turi lealtà lejn il-proċess demokratiku.

Huwa veru li l-President ma’ kellha ebda dritt twaqqaf din il-liġi milli tidħol fis-seħħ ladarba l-Parlament għaddieha b’maġġoranza, iżda setgħet faċilment għamlet l-ispazju biex jiffirmaha xi ħadd ieħor li l-kuxjenza u l-prinċipju kien jgħidlu jew jgħidilha mod ieħor.

Politikament, kienet tkun mossa suwiċidali. Imma kienet toħroġ tal-mara ta’ prinċipju u mingħajr biża’ biex tiddefendi dak li temmen. Xi ħaġa li ħafna dejjem emmnu li hi.

Anke jekk mhux neċessarjament naqblu mal-prinċipji tagħha fuq is-suġġett, konna nammirawha ħafna aktar li kieku dawk il-prinċipji poġġiethom fil-prattika

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.