Żewġ films ġodda fis-swali taċ-ċinema

...ħafna aktar ġej dan is-sajf

Carmel Bonnici / 25 ta' Ġunju 2018 09:53
Oceans 8

Atturi Ewlenin: Sandra Bullock; Cate Blanchett; Anne Hathaway; Mindy Kaling; Awkwafina; Rihanna; Helena Bonham Carter; Richard Armitage.

Direttur: Gary Ross.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 110 min.

Danny Ocean (Frank Sinatra) kien il-moħħ wara grupp ta' ħallelin li jagħmlu serqa tassew impressjonanti minn Casino ta' Las Vegas, bil-lejl bid-dwal maqtugħin billi użaw għad-direzzjoni sinjali b'żebgħa li tiddi fid-dlam meta jilbsu nuċċalijiet speċjali, fil-film Oceans 11 (1960), li ħa l-fama ta' xogħol kult. Fl-2011, din il-produzzjoni reġgħet ġiet maħduma b'George Clooney fil-parti ta' Danny Ocean. Is-suċċess welled żewġ sequels oħra - Oceans 12 (2004) u Oceans 13 (2007). Qatt ma ssemma' li Danny Ocean kellu oħtu, Debbie (Bullock). Fil-ftuħ ta' Oceans 8 narawha ħierġa mill-ħabs, fejn ilha tippjana serqa, bid-dettal kollu, għall-aktar minn 5 snin. Jidher li s-sofistikazzjoni tirrenja sewwa fil-familja Ocean! Mill-ewwel tibda tiġbor tim ta' nisa b'esperjenza kbira għal din l-intrapriża. Dawn jinkludu lil Lou (Blanchett), seħbitha ta' qabel fis-serq, Amita (Kaling), Constance (Awkwafina), imbruljuna tat-triq, Tammy (Paulsen), midħla ta' dan ix-xogħol, il- hacker Nine Ball (Rihanna) u Rosa Weil (Bonham Carter), disinjattriċi tal-moda. It-tir tagħhom hu li jisirqu kullana tad-djamanti li tiswa $150 miljun li l-attriċi Daphne Kluger (Hathaway) se tilbes ma' għonqha waqt wirja tal-moda, fejn hi se tkun l-attrazzjoni speċjali. Din l-attriċi ta' sbuħija pallida u sofistikazzjoni, mhix daqshekk makakka li tinduna li se tkun milgħuba. L-għan prinċipali ta' Debbie li torganizza din is-serqa hu biex tpattiha qares lill-eks maħbub tagħha, Claude Becker (Armitage), negozjant sieħeb tagħha tal-arti li ttradieha waqt frodi u ħelisha ħafif. Oceans 8 fih atmosfera kontinwa ta' lussu li jpaxxi l-għajnejn, nisa lebsin sabiħ, ġojjelli imprezzabbli, avvenimenti spettakolari tal-moda, b'fil sottili ta' kummiedja. Wara 11-il sena mill-ħruġ tal-aħħar film, id-direttur Steven Soderbergh hawn għandu biss kreddtu ta' produttur eżekuttiv. Waqt li Sandra Bullock hi adekwata ħafna, tassew tispikka Anne Hathaway f'parti verament lussuża. Is-sess femminili jirrenja bil-kbir!

The Happy Prince

Atturi Ewlenin: Rupert Everett; Colin Firth; Colin Morgan; Emma Watson; Tom Wilkinson; Edwin Thomas.

Direttur: Rupert Everett.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 105 min.

Ċert. 15

Oscar Wilde (1856 - 1900), awtur Irlandiż, sab suċċess kbir fi żmienu u kien ukoll l-aktar bniedem popolari mas-soċjetà litterarja ta' Londra. Il-waqgħa tiegħu minn dan il-pedestall għoli waslet meta nstab ħati li kien omosesswali, fi żmien meta s-soċjetà' ma kenitx tittollera aġir meqjuz bħala kontra n-normal. Dan l-artist safa' vittma minn dawk stess li kienu tant jammirawh u anki weħel sentejn ħabs. The Happy Prince jittratta l-aħħar tliet snin ta' ħajtu, wara li nħeles mill-priġunerija. Minn dik il-glorja kollha, dan l-awtur ċelebri (Everett) sar bħal xi vagabond bla flus jiġġerra minn post għall-ieħor fi Franza, l-Italja u lura lejn Pariġi jfittex il-libertà li qatt ma reġa' sab, skartat mill-ħbieb l-antiki u ammirat minn grupp ta' nies u tfal li jiġġerrew barra. Fil-punt tal-mewt tiegħu ġo lukanda baxxa f'Pariġi, il-passat tiegħu jgħaddi minn quddiem għajnejh b'ħeffa. Jiftakar fl-attentati tiegħu biex jipprova jirrikonċilja ma' martu, Constance (Watson), il-ħlas qares li akkwista bir-relazzjoni sesswali tiegħu ma' Lord Alfred Douglas (Morgan) u d-devozzjoni u mħabba li wrieh il-ħabib sinċier tiegħu, Robbie Ross (Thomas), li pprova jsalvah mill-mizerja li ħakmitu. Rupert Everett, li diġà' nterpreta karattri minn xogħlijiet klassiċi ta' Oscar Wilde ġo films bħal An Ideal Husband (1999) u The Importance Of Being Earnest (2002), hu kredibbli ħafna fil-parti ta' dan il-bravu fallut. It-titlu tal-film jirreferi għal storja għat-tfal li Wilde kiteb u li f'din il-produzzjoni jirrakkontaha, ftit ftit, lil tifel Franċiż li jaqdih fil-bżonnijiet tiegħu. The Happy Prince jesibixxi l-lat oskur ta' ġenju li għex u miet għall-imħabba fi żmien ultra konservattiv!

Films  li  se  naraw  dan  is-sajf

KRS Releasing Ltd. urew lilna l-kritiċi t-trailer ta' 28 film minn 38 li huma pprogrammati għall-wiri fl-istaġun tas-sajf, għall-perjodu ta’ bejn is-27 ta' Ġunju  u s-26 ta' Settembru.

Din il-lista tikkonsisti f'madwar 13-il blockbuster u varjetà sħiħa ta' ġeneri, minn films ta' azzjoni, oħrajn drammatiċi, xogħlijiet animati, thrillers, film mużikali u wħud tal-biża' u t-twerwir.

Il-blockbusters

Alpha

 Avventura li teħodna lura 20,000 sena ilu bl-Ewropa miksija bis-silġ.  Żagħżugħ li jweġġa' gravi jkun abbandunat mit-tribu tiegħu.  Meta jistejqer ikollu jitgħallem kif se jkampa f'ambjent mill-agħar li ma jaħfirx.

Ant-Man and the Wasps.   

Scott Lang irid jibbilancja ruħu bħala s-supereroj Ant-Man missier ta' familja.  Flimkien ma' The Wasp ikun ippreżentat b'missjoni biex jiġġieled u jiskopri sigrieti mill-passat.

The Equalizer 2

 Denzel Washington jerġa' jirritorna bħala Robert McCall fejn jeħodha kontra dawk l-oppressuri tat-tajbin.

Mamma Mia: Here We Go Again

  Għaxar snin wara l-ewwel film nerġgħu nirritornaw lejn il-gżira maġika Griega ta' Kalokaini ġo produzzjoni oħra mimlija kanzunetti melodiċi tal-grupp ABBA.

The Meg

Wara li jirnexxilu jiskappa minn attakk ta' kelb il-baħar li Jonas Taylor (Jason  Statham) isostni li jlaħħaq mas-70 pied, hu jrid ineħħi l-biża' li hakkmitu biex jeħles lil dawk maqbudin f'sottomarin taħt l-ilma.

Mission Impossible: Fallout  Ethan Hawke (Tom Cruise) u l-grupp tiegħu l-IMF flimkien ma' oħrajn ikollhom jinħbew wara missjoni sigrieta li tmur żmerċ.

The Predator  Tfajjel aċċidentalment iqajjem l-aqwa qattiela gwappi tal-univers li jirritornaw lejn id-dinja.  B'tim ta' eks suldati ta' nofs kedda u għalliem tax-xjenza se jippruvaw isalvaw r-razza umana.

Skyscraper  Will Sawyer (Dwayne Johnson) li qabel kien jaħdem mal-FBI, issa sab impieg jieħu ħsieb is-sigurtà ta' dawn il-binjiet tassew għoljin.  Fiċ-Ċina, l-akbar "skyscraper" suppost sigur jieħu n-nar u l-ħtija taqa' fuqu.

Action Point  Johnny Knoxville hu s-sid ta' post ta' divertiment b'kera baxxa u mhux daqshekk sigur.  Meta t-tifla tiegħu, Boogie tiġi żżuru, fil-viċin jiftaħ park tad-divertiment tal-prima klassi u b'hekk se jtellef bi sħiħ lil xogħlu.

The Darkest Minds  Grupp ta' żgħażagħ huma priġunieri mill-adulti li qed jibżgħu minn dawk ta' taħt is-sittax-il sena.  Huma jiffurmaw tim ta' reżistenza biex jiġġieldu għall-futur tagħhom.

Hotel Artemis  Fil-futur, f'Los Angeles mifnija bi gwerra, infermiera tmexxi kamra sigrieta ta' emerġenza fil-Hotel Artemis, għall-membri li huma kriminali.

Films animati u oħrajn għall-familji

Hotel Transylvania 3: A Monster Holiday.  Mavis, it-tifla ta' Dracula torganizza ġita fuq Monster Cruise Ship għall-familja kollha.  Dracula jsir iħobb lill-Kaptana Ericka li hija dixxendenti ta' Abraham Van Helsing li kien l-aqwa għadu tiegħu.

Incredibles 2.  Nerġgħu niltaqgħu mal-familja ta' poteri inkredibbli.  Waqt li Elastigirl tipprova tikkalma s-sitwazzjoni, missierha, Mr. Incredible jiffaċċja l-akbar sfida tiegħu - dik li jieħu ħsieb il-problemi tat-tlett itfal tiegħu.

Luis and the Aliens.  Luis, tifel ta' ħdax-il sena jagħmel ħabib ma' tliet aljeni ċkejknin li jikkraxxjaw bil-vettura spazjali tagħhom qrib id-dar tiegħu.  Flimkien magħhom se jgħaddu minn avventuri eċitanti.

Teen Titans go to the Movies.  Ħames tinagers supereroj joħolmu li jkollhom suċċess f'Hollywood, waqt li viljakk bi pjanijiet ta' ġenn lest għall-azzjoni biex jiddomina d-dinja.

Christopher Robin.  Issa adult, Christopher Robin jiltaqa' mal-ħabib antik tiegħu, Winnie the Pooh u flimkien imorru lura għas-snin tat-tfulija f'Hundred Acre Wood biex jgħinu jsib lil ħbieb mitlufa.

The Festival.  Grupp ta' studenti jmorru għall-festival tal-mużika għall-ewwel darba f'ħajjithom u jinħakmu kemm mal-mużika u anki mat-tajn.

Tag  Grupp żgħir ta' ħbieb li qabel kienu kollegi fl-istess klassi jorganizzaw logħba elaborata kull sena u jivvjaġġaw matul il-pajjiż.

Patrick.  Mara żagħżugħa, Sarah Francis, qed tgħix ħajja kollha ħsibijiet u dejjem inkwetata.  Meta n-nanna tħallilha kelb imfissed jismu Patrick għall-ewwel ikompli jħarbtilha l-eżistenza tagħha.  Bil-mod u bl-atitudni ta' dan il-ħabib ta' erba' saqajn, ħajjitha tibda titbiddel għall-aħjar.

The Spy Who Dumped Me.  Żewġt iħbieb ta' madwar 30 sena, Audrey u Morgan isibu ruħhom involuti f'konfoffa internazzjonali u jkunu mfittxija minn xi assassini.  Huma jidħlu għall-azzjoni madwar l-Ewropa u jħuf warajhom ikun hemm Aġent Sigriet Brittaniku attraenti imma suspettuż.

Crazy Rich Asians Rachel Chu tmur Singapore għat-tieġ ta' ħu l-ħabib tagħha Nick.  Dan ġej minn familja sinjuruna, ġuvni u ammirat minn ħafna tfajliet li jgħiru għal Rachel u jippruvaw iġellduha miegħu.