Opinjoni | Tifkira li tixraq

L-inawgurar ta’ monument mhuwiex xi ċelebrazzjoni ta’ fanatiżmu jew ta’ idolatrija jew fissazzjoni politika iżda huwa mument li jħalli marka

Ministru Owen Bonnici / 8 ta' Ġunju 2018 17:13
Din il-ġimgħa l-Gvern f'isem l-Istat inawgura monument li diġà daħal fil-konxju kollettiv ta' parti kbira tal-poplu Malti u Għawdxi.

Mhux xi monument astratt jew surreali jew xi monument illi jipprova jfisser b’surtu dak li jara l-moħħ u mhux li jaraw l-għajnejn.

Imma monument dirett u ċar għal persuna - il-Perit Duminku Mintoff.

Huwa monument għal politiku – politiku li n-nies tal-ġenerazzjoni tiegħi x’aktarx ma jiftakruhx fil-kariga ta’ Prim Ministru.  Ma jistgħux jiftakruh għax ma kinux għadhom twieldu.  Iżda jafuh mill-istorja. Mill-istorja politika reċenti però fl-istess ħin, minħabba l-karriera twila tal-politiku li sellimna din il-ġimgħa, tal-istorja ta’ żminijiet oħra li wassluna għaż-żmien tal-lum.

Il-monumenti għall-politiċi jwassluna bilfors biex nirriflettu fuq l-istorja.

Iwasslu lil xi wħud minna li għandhom l-età li ppermettitilhom jgħixu dik l-istorja għal xi ftit nostalġija pożittiva jew negattiva u forsi realistikament xi ftit mit-tnejn. Fil-verità, il-qilla tad-dibattu politiku f'Malta ħafna drabi iwassal biex it-triq tan-nofs tinġarr fil-ġenb – u lill-politiku partikolari ħafna nies tispiċċa jew tħobbu ħafna jew tħobbu ftit ħafna.

"Il-qilla tad-dibattu politiku f'Malta ħafna drabi iwassal biex it-triq tan-nofs tinġarr fil-ġenb – u lill-politiku partikolari ħafna nies tispiċċa jew tħobbu ħafna jew tħobbu ftit ħafna"
Meta jgħaddi ż-żmien u speċjalment meta jinbidlu l-ġenerazzjonijiet l-affarijiet jaqgħu iżjed fil-perspettiva tagħhom u t-temp tar-riflessjoni jwassal biex anke l-ikbar kritiku ta' politiku japprezza li min ikun ħadem għall-pajjiż irid jiġi apprezzat. U l-ikbar sostenitur ta' politiku jkabbar l-ammirazzjoni u jirfinaha b'doża ikbar ta' riflessjoni u razzjonal. Hekk kif politiku joħroġ mill-arena ta' li taqla’ u tagħti, l-ispettaturi u l-protagonisti kultant ta' kampi opposti jersqu iktar qrib xulxin fejn jiġi iktar rikonoxxut il-pożittiv u t-tajjeb.

Lill-Perit Mintoff darba kien hemm ġurnalist akkademiku li staqsieh kif jaħseb illi se jiġi ġġudikat mill-istorja u r-risposta tiegħu kienet waħda sempliċi ‘skont min jikteb l-istorja’.

Aħna lkoll f’ċertu sens niktbu l-istorja meta niffurmaw l-opinjonijiet tagħna dwar il-passat ta’ pajjiżna. F’dan forsi aħna destinati li nsiru nafu iktar wara l-fatt iżda żgur li hemm x’nitgħallmu minn ta’ qabilna.

F'dan il-każ, il-persunaġġ b'saħħtu tal-Perit Duminku Mintoff jgħallimna ħafna.  Nitgħallmu mill-karattru sod tiegħu, mid-determinazzjoni u l-viżjoni li wera bħala politiku ta’ pajjiż żgħir u li għadda l-istorja kollha tiegħu użat u kkolonizzat. Nitgħallmu mill-oratorija tiegħu, mill-kapaċità tal-kompromess fl-iktar mument li ma taħsibx li se jiġi l-kompromess u mill-mod kif kien iwassal l-messaġġ tiegħu lill-poplu ta’ żmienu b’ mezzi sempliċi- bit-tħaddim tal-kelma l-iktar diretta u ċara b'mod bsaħħtu, bil-magni tal-istampar illi llum issibhom biss fil-mużewijiet, bit-typewriters li llum iż-żgħażagħ bil-kemm jafu x’inhuma u b’mezzi sempliċi u limitati ta’ ġenerazzjoni magħġuna fl-għaqal u determinata li tgħaddi bil-ftit.

Però nitgħallmu wkoll minn dak li llum nistgħu naraw bħala ġrajjiet li l-istorja tislitilna l-lezzjonijiet dwarhom.

L-inawgurar ta’ monument mhuwiex xi ċelebrazzjoni ta’ fanatiżmu jew ta’ idolatrija jew fissazzjoni politika, huwa mument li jħalli marka f'din il-pjazza storika li tfakkar persuna li ħadmet u kkontribwixxiet bla rażan u tul ħajjitha kollha għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u kostituzzjonali ta’ dan l-istat.

Il-moħħ u l-għajnejn tal-Perit Mintoff sawru parti importanti mill-istorja ta' dan il-pajjiż uniku li għandna. 

Ħidma sħiħa

Monument bħal dan ma jaqax mis-sema u ma jsirx waħdu. Il-fatt li ntlaqa' daqstant tajjeb u kiseb kunsens tant wiesa' f'pajjiżna hu fih innifsu ċertifikat tal-mod professjonali li bih ħdima fl-aħħar xhur biex fl-aħħar rajna din ix-xewqa kollettiva ssir realtà.

Kruċjali kienet il-ħidma ta' Heritage Malta li ħadet ħsieb il-monument innifsu u l-Kunsill Malti għall-Arti u d-diversi entitajiet kulturali li tawna serata sabiħa u meqjusa.

"Lill-Perit Mintoff, ġurnalist akkademiku staqsieh kif jaħseb illi se jiġi ġġudikat mill-istorja u r-risposta tiegħu kienet waħda sempliċi ‘skont min jikteb l-istorja’"
Normalment dejjem niżbalja meta nislet ismijiet ta' persuni biex nirringrazzjahom b'mod partikolari meta jkun hemm avveniment.  Biss huwa doveru tiegħi nirringrazzja lis-Sur Mario Cutajar, Segretarju Permanenti Ewlieni, Matthew Carbone mill-Uffiċju tal-Kommunikazzjoni tal-Uffiċju tal-Prim Ministru u lill-Kap tas-Segretarjat tiegħi Angele Abela tal-ħidma differenti u funzjonijiet differenti li wettqu sabiex il-proċess twettaq mingħajr skossi u b'serenità kbira.

Grazzi minn qalbi lill-artist li għamel il-monument – Noel Galea Bason – u kif ukoll il-familja Mintoff tal-appoġġ kbir li tawna tul dan il-vjaġġ eċċitanti.

Il-figura tal-Perit Dom Mintoff hija waħda ġganteska fix-xenarju politiku.  Kien privileġġ li fiċ-ċokon tiegħi stajt nikkontribwixxi biex inkun parti mill-kelma Grazzi li tajna lill-Perit Mintoff ta' ħidmietu favur pajjiżna.

Il-messaġġ favur il-futur

Id-diskors ewlieni tas-serata kien dak tal-Prim Ministru Joseph Muscat li rabat I-ħidma tal-passat ta' Dom Mintoff mal-ħidma li rridu nagħmlu fil-futur għal pajjiż aħjar.  Għoġobni immens il-mod ta' kif rabat iż-żewġ kunċetti hu u jirrifletti fuq wieħed mill-predeċessuri tiegħu fil-kariga ta' Prim Ministru.

M'għandix dubju li meta tkun fil-kariga ta' Prim Ministru tnibbet rabta kważi fraterna mal-memorji u l-ġrajjiet ta' min qabel kien okkupa dik il-kariga u tibda tifhem aħjar – anke jekk forsi ma taqbilx - mad–deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.

Pajjiżna ghalhek hu sabiħ.   Grazzi lil kull min ħa sehem attiv biex pajjiżna sar u se jkompli jsir is-suċċess li hu llum!