Opinjoni | Il-poplu jiġġudika, il-poplu jagħżel

Skont l-istħarriġ l-akbar tliet prijoritajiet tal-elettorat Malti huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-immigrazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent flimkien mat-tibdil fil-klima

Miriam Dalli - MEP, PL / 30 ta' Mejju 2018 09:56
L-Ewroparlamentari Miriam Dalli
Il-ġimgħa li għaddiet kont mistiedna għal dibattitu l-għada li ħareġ ir-riżultat ta’ stħarriġ li għamel il-Eurobarometer fejn fost l-oħrajn staqsa fuq liema bażi jivvutaw il-Maltin. Waħda mill-mistoqsijiet matul dan id-dibattitu kienet jekk l-elettorat jinteressahx filfatt dak li jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew u minflok jippreferix jivvota fuq kwistjonijiet nazzjonali.

Minn dan l-istħarriġ irriżulta li 52% qalu li se jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għax iridu juru l-appoġġ tagħhom lill-Gvern tal-ġurnata. 49% qalu li joħorġu jivvutaw għaliex huwa l-obbligu tagħhom li jagħmlu dan bħala ċittadini.

Nemmen li min joħroġ jivvota fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jivvota fuq bażi ta’ kwistjonijiet Ewropej u anke nazzjonali. Wara kollox bħala politiku fil-Parlament Ewropew irrid naċċerta ruħi li t-temi li naħdem fuqhom huma ta’ interess ukoll f’Malta u allura għandhom portata anke fuq bażi nazzjonali.

Mistoqsija oħra kienet kemm fir-realtà n-nies jistaqsuni dwar kwistjonijiet Ewropej meta kkumparat ma’ dawk nazzjonali. In-nies li nitkellem magħhom jien jistaqsuni fuq kollox. Hemm ħafna nies li jsegwu x-xogħol li nagħmlu. Meta jkun hemm kwistjonijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies ovvja li n-nies se titneressa ruħha. Pereżempju jekk nieħu l-leġislazzjoni li qed naħdem fuqha bħalissa biex innaqqsu t-tniġġis minn vetturi ġodda. L-interess mill-Maltin qiegħed hemm u qiegħed jiżdied, għax jafu li din hija liġi li tista’ tagħmel differenza fil-ħajja tagħhom. Tista’ tagħmel differenza fil-kwalità tal-arja, fit-toroq tagħna, fil-karozzi ġodda li se nibdew naraw fis-suq, fl-infrastruttura u anke fil-mod kif nistgħu nippożizzjonaw ruħna bħala pajjiż u bħala kontinent.

"Għalija l-Maltin u l-Għawdxin huma nies li ma joqogħdux lura, jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom u x’jaħsbu li jista’ jsir aħjar fuq diversi inizjattivi li nagħmlu"
L-istess meta nitkellem dwar l-istrateġija tal-plastik li bħalissa qed naħdmu fuqha fil-kumitat tal-ambjent. Ħafna nies jinteressaw ruħhom. Ħafna nies iridu jagħtu s-sehem tagħhom għaliex jifhmu li din mhijiex issue tal-Unjoni Ewropea biss imma hija kwistjoni nazzjonali. Din il-bidla tista’ tagħmel differenza fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u anke fil-futur.

Anke fejn jidħol l-impenn tiegħi biex nipprojbixxu pestiċida perikolużi bħal ‘glyphosate’ li jista’ jwassal għall-kanċer flimkien mal-famużi ‘neonicotinoids’ li huwa bexx li jeqred in-naħal, inkluż in-naħla Maltija. Rajt interess qawwi mill-Maltin, mhux biss mir-raħħala u dawk li jrabbu n-naħal imma anke minn persuni li l-kuxjenza ambjentali tagħhom dejjem qiegħda tikber u qed jagħrfu aktar minn qatt qabel ir-rabta li teżisti bejn l-ambjent u s-saħħa tagħhom.

Għalija l-Maltin u l-Għawdxin huma nies li ma joqogħdux lura, jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom u x’jaħsbu li jista’ jsir aħjar fuq diversi inizjattivi li nagħmlu u l-leġislazzjonijiet li ngħaddu. Se nsemmi eżempju wieħed: l-inizjattiva li ħadt f’isem il-grupp politiku tiegħi tas-Soċjalisti u Demokratiċi biex isir sforz madwar id-dinja kollha ħalli jitwaqqaf l-ittestjar ta’ kożmetiċi fuq l-annimali. L-interess li kien hemm kien enormi.

Għalhekk meta ġejt mistoqsija fuq xiex qed jistaqsuni n-nies, għalija r-risposta tiġi naturali: in-nies jistaqsuni fuq kollox. Jien nirrapreżenta lil pajjiżi f’isem il-Partit Laburitsa u allura huwa naturali li n-nies jistaqsuni dwar kwistjonijiet nazzjonali u dwar dak li jridu jaraw f’pajjiżna. Allaħares kien mod ieħor, għaliex dak ikun il-mument li bħala politiċi Ewropej inkunu nqtajna għal kollox mill-kostitwenti li rridu nirrapprezentaw.

Fi ftit kliem, nemmen li l-kwistjonijiet Ewropej huma nazzjonali wkoll. U għalhekk jien qiegħda hemm, biex naħdem sew fil-Parlament Ewropew u anke f’Malta u Għawdex bl-istess enerġija u determinazzjoni.

Interessanti li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li semmejt aktar qabel jindika bħala l-akbar tliet prijoritajiet tal-elettorat Malti, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-immigrazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent flimkien mat-tibdil fil-klima. Interessanti għaliex dawn huma l-prijoritajiet tiegħi wkoll u tal-ħidma tiegħi fl-aħħar erba’ snin fil-Parlament Ewropew.

"Nemmen li l-kwistjonijiet Ewropej huma nazzjonali wkoll. U għalhekk jien qiegħda hemm, biex naħdem sew fil-Parlament Ewropew u anke f’Malta u Għawdex bl-istess enerġija u determinazzjoni"
F’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi bħalissa qiegħda naħdem fuq leġiżlazzjonijiet differenti li għandhom l-għan li jsaħħu s-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Ewlenin fosthom sistema ta’ interoperabilità li għandha tiġbor flimkien sistemi differenti li jagħtu għodda lill-pulizija u lill-forzi tal-ordni aċċess biex jiddentifikaw b’mod immedjat persuni li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà tal-pajjiżi Ewropej.

Fl-istess ħin qed naħdem ukoll fuq ir-regolament magħruf bħala Schengen Information System II, li għandu l-għan li jassigura li n-nies li jimxu liberalment minn pajjiż għall-ieħor grazzi għas-sistema Schengen ikunu persuni li ma joffru l-ebda theddida għas-sigurtà taċ-ċittadini l-oħra li jkunu qed jgħixu fil-pajjiżi Ewropej.

L-immigrazzjoni huwa suġġett ieħor ta’ prijorità ewlenija u sa mill-ewwel jiem tiegħi fil-Parlament Ewropew ħdimt dwar dan fil-kumitat tal-libertajiet ċivili. F’dawn l-erba’ snin ħdimt fuq Dokument Ewropew għar-Ritorn ta’ dawk li jkunu fl-Unjoni Ewropea b’mod illegali, fuq ir-rilokazzjoni u fuq mekkaniżmu ġdid fi ħdan il-European Border and Coast Guard Regulation.

Jibqa’ għal qalbi ħafna s-suġġett tal-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sigurtà tal-ikel, fejn hemmhekk tiddomina l-kwistjoni tal-protezzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima. Ħdimt fuq aktar minn liġi waħda f’isem il-grupp politiku tiegħi bl-impenn tiegħi jkun li nnaqqsu kemm jista’ jkun it-tniġġis fl-istati Membri kollha, inkluż ukoll f’pajjiżna.

Fi żmien sena se nkunu għaddejjin bl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. L-impenn tiegħi hu li nibqa’ naħdem fuq il-prijoritajiet tagħkom: is-sigurtà, l-immigrazzjoni, l-ambjent, is-saħħa, ix-xogħol u fuq kollox kwalità ta’ ħajja aħjar.