Personalitajiet Beltin : Ġorġ Borg Olivier

Fis-sena tal-Belt Valletta nkomplu nħarsu lejn uħud mill-personalitajiet li ħarġu mis-swar tal-Belt Kapitali

Clifford Galea / 25 ta' Mejju 2018 09:46
Ġorġ Borg Olivier twieled il-Belt Valletta, iben Olivier Borg Olivier de Puget Paleologo (1866–1939) u Rosa Amato-Pace. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fl-Università Rjali ta' Malta, minn fejn iggradwa bħala avukat fl-1937.

Fl-1939 Borg Olivier ġie elett fil-Kunsill tal-Gvern. Fl-1947 kien elett fl-Assemblea Leġislattiva f'isem il-Partit Nazzjonalista.

Meta l-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Nerik Mezzi, fl-1950 intalab imexxi gvern ta' minoranza, Borg Olivier inħatar Ministru tax-Xogħol u Rikostruzzjoni u Ministru tal-Edukazzjoni. Wara l-mewt ta' Nerik Mizzi tliet xhur biss wara li dan sar Prim Ministru, f'Diċembru tal-1950 Borg Olivier, ta' 39 sena, inħatar Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja. Wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-1951, Borg Olivier ifforma Gvern ta' koalizzjoni mal-Malta Workers Party ta' Pawlu Boffa. F’dak il-Gvern, Borg Olivier reġa' sar Prim Ministru u kien ukoll il-Ministru tax-Xogħol u Rikostruzzjoni. Fl-1953, għal darb’oħra reġa’ mexxa l-Gvern ta' koalizzjoni flimkien mal-Malta Workers Party.

L-elezzjoni tal-1955 intrebħet mill-Partit Laburista mmexxi minn Dom Mintoff. Għalhekk, mill-1955 sal-1958 Borg Olivier kien Kap tal-Oppożizzjoni. Bejn Ġunju u Settembru tal-1955 huwa mexxa delegazzjonijiet fil-Malta Round Table Conference u f'Novembru tal-1958 mexxa delegazzjoni għal taħdidiet f'Londra biex Malta terġa' tingħata d-dritt li tiggverna lilha nnifisha.

Wara l-elezzjoni ta' Frar tal-1962, iddominata mill-kwistjoni Politiko-Reliġjuża bejn il-Knisja u l-Partit Laburista, Borg Olivier reġa' sar Prim Ministru fi gvern ta' koalizzjoni. Kellu wkoll f'idejh il-Ministeru tal-Ippjanar Ekonomiku u l-Finanzi.

F'Ġunju tas-sena 1962, huwa għamel talba formali lill-Gvern Ingliż biex Malta ssir stat sovran u ndipendenti u f'Settembru 1962 attenda l-laqgħa tal-Prim Ministri tal-Commonwealth. Fit-13 ta' Lulju 1963, Borg Olivier mexxa id-delegazzjoni tal-Gvern Malti fil-Konferenza dwar l-Indipendenza ta' Malta u li fi tmiemha tħabbar li Malta ser issir stat indipendenti. Wara dan huwa kompla jmexxi diversi taħdidiet mal-Gvern Ingliż. Il-Kostituzzjoni għal Malta Indipendenti għaddiet mill-Parlament, u ġiet approvata mill-poplu f'referendum fi Frar tal-1964. Nhar il-21 ta' Settembru, 1964, Malta saret pajjiż indipendenti.

Din hija silta mid-diskors li baqa’ magħruf, mill-Prim Ministru Borg Olivier fil-lejl tal-Indipendenza fl-Arena tal-Indipendenza, il-Furjana, huwa u jindirizza lill-Prinċep Filippu, Duka ta' Edinburgh li kien qed jirrapreżenta lir-Reġina Elisabetta II f’dik l-okkażjoni:

 Jekk jogħġob lill-Altezza Rjali tiegħek għan-nom tal-Gvern u tal-Poplu ta' Malta jien noffri r-ringrazzjamenti sinċieri tiegħi talli bl-ordni tal-Maestà Tagħha tajtni d-dokumenti kostituzzjonali li jiġbru fihom l-Indipendenza ta' Malta.

Bir-rispett kollu jiena nitlob lill-Altezza Rjali Tiegħek biex twassal lill-Maestà Tagħha l-gratitudni l-aktar sinċiera tagħna talli ġentilment għoġobha tkun ir-Reġina tagħna. Aħna noffru t-talb umli tagħna biex hija tirrenja fuqna għal żmien twil u fil-prosperità. Bil-permess tal-Altezza Rjali Tiegħek jiena issa sejjer ngħid xi ftit kelmiet bil-Malti lill-poplu maħbub tiegħi.

Ħuti Maltin u Għawdxin. Il-programm uffiċjali jippermettili ftit minuti biex jien illum, meta qed naraw il-bandiera tagħna tperper fuq gżira indipendenti nifraħ magħkom, nifraħ magħkom u niftakar f'dawk kollha illi qabilna min ftit u min wisq, min b'mod u min b'ieħor ħadem biex jara dil-ġurnata.

Nirringrazzjaw 'il Alla illi tana x-xorti nkunu aħna illi flimkien qegħdin naraw ir-rappreżentant speċjali tal-Maestà Tagħha jagħtina dokument ta' kostituzzjoni li tagħmel Malta indipendenti u sovrana. Dokument illi jtina kostituzzjoni irrevokabbli, ma jista' jeħodilna ħadd, ma jista' ħadd ineħħilna l-indipendenza tagħna, kostituzzjoni illi ħdimna għaliha kemm flaħna u għandna s-sodisfazzjon ngħidu illi meta snin ilu wieħed kien isemmi Malta barra minn pajjiżna konna nieħdu d-diżappunt li naraw ħafna nies tista' tgħid tal-pajjiżi kollha anke viċin illi ma kienu jafu xejn fuq Malta, lanqas jafu fejn hi Malta jekk kienu jafu li kienet teżisti. Illum intom u jiena u sħabi tal-kabinett poġġejna Malta fuq il-mappa darba għal dejjem.

Għandna s-sodisfazzjon naraw delegati minn kull naħa tad-dinja illi ġew jieħdu pjaċir magħna u aħna nirringrazzjawhom, nibqgħulhom grati talli ġew juru l-ferħ tagħhom magħna f'din il-ġurnata hekk storika, hekk għażiża li ma ninsewha qatt. Dawn id-delegati kollha qed jixhdu llum illi Malta ħadet l-indipendenza tagħha u jridu jixhdu 'l quddiem għaliex illum raw Malta x'inhija, illum raw id-determinazzjoni u l-kuraġġ; jeħtieġ jibqgħu jixhdulna illi aħna nimmeritaw, aħna denji tal-indipendenza u tas-sovranità illi akkwistajna għal pajjiżna. L-indipendenza ma tfissirx illi se ġġibna pajjiż li ma għandu bżonn 'l ħadd, illi n-nies tiegħu ma għandhomx bżonn jaħdmu, illi ma għandhomx bżonn għajnuna ta' ħbieb.

L-indipendenza tfisser illi rridu naħdmu forsi aktar u aktar bil-qalb għaliex irridu nagħtu prova lid-dinja illi l-indipendenza li ksibna aħna verament nimmeritawha, nafu naħdmu demokratikament, nafu lill-poplu tagħna mmexxuh lejn il-bon ordni u l-liġi fil-pajjiż, lejn il-prosperità ekonomika, lejn il-ġid tagħna, ta' wliedna u ta' wlied uliedna. 

F'Marzu tal-1965, Borg Olivier ħa f'idejh ukoll il-Ministeru tal-Commonwealth u l-Affarijiet Barranin.

Fl-elezzjonijiet ġenerali li saru f' Marzu 1966, il-Partit Nazzjonalista reġa' ġie elett fil-Gvern, u Borg Olivier inħatar Prim Ministru u Ministru tal-Commonwealth u l-Affarijiet Barranin.

Fl-1971 u fl-1976, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet ġenerali. Fl-1974, Borg Olivier kien ivvota kontra fil-Parlament li Malta ssir Repubblika, b'differenza mill-pożizzjoni li ħadu l-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti. Wara t-telfa elettorali tal-1976, il-Partit Nazzjonalista għażel lil Dr Eddie Fenech Adami bħala Kap tal-Partit minfloku.

F’ħajtu Dott Borg Olivier irċieva dawn l-unuri:
  • F'Jum l-Indipendenza, il-21 ta' Settembru 1964, Borg Olivier ingħata Dottorat fil-Letteratura (Honoris Causa) mill-Università Rjali ta' Malta.
  • Fil-25 ta' Ġunju 1964, Papa Pawlu VI tah it-titolu ta' Kavallier tas-Salib tal-Ordni ta' San Silvestru.
  • F'Novembru tal-1964, kellu udjenza mal-Papa Pawlu VI fejn ingħata t-titolu ta' Kavallier tas-Salib tal-Papa Piju IX.
  • Fl-14 ta' Ġunju 1968, Borg Olivier ingħata l-midalja tal-mertu tas-Salib tal-Ordni ta' Malta mill-Gran Mastru tal-Ordni Sovrana Militari Ospitalieri ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm, Rodi u Malta.


Borg Olivier iżżewweġ lil Alexandra Mattei (li mietet nhar il-25 ta' Frar 2009) fl-1943. Huma kellhom tlett itfal: Angela li mietet fit-18 ta' Frar 2008, Alexander u Peter li miet fid-19 t’April 2012. Meta miet Dott Borg Olivier fid-29 t’Ottubru 1980, il-Gvern Laburista ta' Dom Mintoff tah l-unur ta’ funeral statali.

F'Ġunju 2010, l-ulied subien ta' Borg Olivier iddeċiedew li jagħmlu rkant ta' diversi oġġetti ta' missierhom, fosthom kwadri, għamara, pitturi, mapep, u affarijiet dekorattivi. Fosthom kien hemm l-iskrivanija personali ta' Borg Olivier li nbiegħet għas-somma ta’ €25,000.