Opinjoni | Tgħawwir tad-Demokrazija

Skont il-Kostituzzjoni, deputati parlamentari ma jistgħux ikollhom impjieg mal-gvern jew xi entità governattiva jekk il-liġi dan ma jippermettiehx

Joe Ellis / 9 ta' Mejju 2018 17:01
Din il-ġimgħa kellna l-aħbar ta’ ħatra oħra. Anton Refalo, eks Ministru ta’ Għawdex, inħatar iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, l-entità nazzjonali li tieħu ħsieb il-patrimonju arkeoloġiku u artistiku f'pajjiżna. Ħadd mhu jiddubita mill-kredenzjali tal-avukat Refalo fir-rigward. Hu magħruf sew bħala kollezzjonist tal-arti minn żmien twil u b’passjoni kbira f’dan il-qasam.  Kieku Anton Refalo kien ċittadin komuni, kieku l-ħatra tiegħu ma kienet tqanqal l-ebda reazjoni. Ħlief li forsi fl-aħħar dan il-gvern għamel ħatra fuq bażi strettament ta’ kompetenza u meritu, kif kien wiegħed li ser jagħmel qabel l-2013.

Imma Anton Refalo kif kulħadd jaf m’huwiex ċittadin komuni: huwa Deputat Parlamentari illi fl-aħħar elezzjoni kellu kunsens elettorali sostanzjali.  Bħala parlamentari, hu eliġibbli illi jinħatar ministru jew segretarju parlamentari fis-sistema tagħna.  Ħadd ħlief il-parlamentari mhu eliġibbli għal tali ħatra.  Il-ministri jiffurmaw il-kabinett illi jmexxi l-eżekuttiv tal-pajjiż.  Forsi ftit jafu illi s-segretarji parlamentari teknikament ma jiffurmawx parti mill-kabinett imma l-Kostituzzjoni taħseb għall-ħatra tagħhom bħala membri tal-eżekuttiv.

Kif għidt drabi oħra, il-Kostituzzjoni tagħna ma tippermettiex illi d-deputati parlamentari jkollhom mpjieg pubbliku jew kuntratti mal-gvern.  Dan minħabba d-duttrina tas-separazzjoni tal-poteri illi tipprojbixxi membri tal-leġislatura milli jiddependu fuq l-eżekuttiv jew ikollhom x’jaqsmu mal-fergħa l-oħra tal-istat, il-leġislatura.  Meta l-affarijiet kienu jsiru bis-serjetà, kienet saret kawża biex Mabel Strickland ma tibqax deputata fl-Assemblea Leġislattiva għaliex l-istamperija tagħha, il-Progress Press kienet rebħet sejħa għall-offerti tal-gvern.  Imma dik kienet epoka oħra: illum, ħadd mhu ser iħabbel moħħu jekk xi deputat jirbaħ offerta biex ibiegħ lill-gvern xi servizz jew prodott.  Anzi hija meqjusa bħala l-aktar ħaġa normali.  

Imma l-Kostituzzjoni hemm qiegħda u forsi l-aktar ħaġa li ddejjaqni mhux illi l-Parlament ibiddielha imma illi l-gvern jinjoraha, jiksirha u qisu ma ġara xejn.  U hekk qed jiġri ripetutament. Għaliex skont il-Kostituzzjoni, deputati parlamentari ma jistgħux ikollhom impjieg mal-gvern jew xi entità governattiva jekk il-liġi dan ma jippermettiehx.  L-unika liġi li għaddiet f’dan is-sens wara ħafna snin mill-Indipendenza kienet fl-epoka ta’ Gonzi.  Il-Parlament kien għadda liġi fi tlett kwarti qabel ir-recess tas-sajf li permezz tagħha, l-impjegati pubbliċi minn skala 5 ’il fuq setgħu jaħdmu mal-gvern.  Qabel m’għaddiet din il-liġi għal ħafna u ħafna snin, id-deputati li kienu fiċ-ċivil kien ikollhom jieħdu leave mingħajr ħlas.

"Eżekuttiv illi ftit li xejn hu mxekkel minn parlament dgħajjef hu r-riċetta għal kriżi serja fid-demokrazija tagħna"
L-ebda gvern, ikun min ikun, ma jixtieq illi jkollu parlament f’saħħtu wisq u għalhekk, qegħdin f’din il-qagħda tal-biki.  Il-Parlament suppost huwa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż imma fir-realtà m’hu xejn ħlief is-Cinderella tal-istat. U jekk irridu nkunu serji u nkunu ġenwini sabiex nirranġaw il-qagħda istituzzjonali f’pajjiżna, dan għandna nirrikonoxxuh.

Imma donnu kulħadd hu kuntent b’din ix-xalata għax ħadd m’hu jitniffes quddiem dan il-ksur ċar tal-Kostituzzjoni.  Dan domt ma fhimtu sakemm ma ndunajt illi anke fi ħdan l-Oppożizzjoni hemm bosta deputati illi ukoll għandhom karigi pubbliċi bi ksur tal-Kostituzzjoni.  Kif igħid il-Malti, ħadd m’hu ser idardar l-għajn illi jrid jixrob minnha.

Dan kollu ġej minħabba l-inkapaċità tal-partiti fil-Parlament illi jaqbdu l-barri minn qrunu.   Minflok ma jindirizzaw il-ħtieġa illi parlamentari jkollhom rimunerazzjoni adekwata sabiex tikkumpensahom għar-responsabilità illi għandhom, nibqgħu mwaħħlin ma din il-finzjoni illi d-deputati nagħtuhom onorarju taċ-ċiċri (xi € 22,000 fis-sena).  Ilkoll niftakru kemm Joseph Muscat u l-Partit Laburista ħalbu l-kwistjoni tal-onorarju tad-deputati u s-salarji tal-ministri.  Kemm saret propaganda bil-famużi €500 fil-ġimgħa.  U kemm għamel kapital politiku minn dina l-kwistjoni l-Partit Laburista.

Ilkoll niftakru illi Joseph Muscat kien għamar illi fl-ewwel leġislatura tiegħu, mhu ser ikun hemm l-ebda żieda fl-onorarja parlamentari.  Imma mbagħad kien qali illi ser jikkunsidra tali żieda fil-leġislatura ta’ wara.  Issa dalwaqt inkunu ser nagħlqu sena f’din it-tieni leġislatura imma ma jidher li hemm l-ebda ħsieb ta’ tali reviżjoni fl-onorarja parlamentari.

Minflok kellna attentat li inizjalment kellu l-appoġġ tal-Oppożizzjoni sabiex il-parlamenari jibdew igawdu l-pensjoni speċjali tagħhom, li jiena nħoss illi m’hijiex ġustifikata, anke jekk ma jkunux għamlu żewġ leġislaturi.  Qegħdin fil-qagħda surreali illi deputat jitħallas bis-soldi imma mbagħad, jekk jirnexxielu jservi f’żewġ leġislaturi, ikollu pensjoni li ebda ċittadin, ħlief issa l-membri tal-ġudikatura, ma jista’ jaspira għaliha.  Meta qamu protesti populisti illi jixegħlu kull meta dan is-suġġett iqum, il-Partit Nazzjonalista rtira l-appoġġ tiegħu għal din l-emenda fil-liġi.  U kollox baqa’ koppi.

Imma l-Partit Nazzjonalista qed jonqos milli jikkritika dawn il-ħatriet ta’ deputati f’karigi esekuttivi.  U dan minkejja illi tali ħatriet huma anti-kostituzzjonali, jikkostitwixxu konflitt t’interessi u jimminaw l-istess pedamenti tad-demokrazija parlamentari.  Meta għandek deputati illi huma deputat chief of staff tal-Prim Ministru, b’kariga f’Kastilja sabiex jikkoordina l-interpellanzi, kap tal-O.H.SA., ta’ Heritage Malta u anke suppost biex tikkumbatti l-burokrazija (bla ma ħadd jaf x’qed tagħmel jew x’suppost qed tagħmel), kif jistgħu tali deputati jaqdu l-funzjoni leġislattiva tagħhom? Ma jistgħux għax huma issa għandhom interess fil-funzjoni tal-eżekuttiv minkejja illi m’għandhomx ir-responsabilità kollettiva illi għandhom il-membri tal-kabinett u anke s-segretarji parlamentari.

Wieħed irid ikun ċar : kien ikun ferm aċċettabli illi Anton Refalo jilħaq ministru jew segretarju parlamentari tal-kultura, fejn kien ikollu r-responsabilità politika għal dan il-qasam.  Imma li minflok bħala deputat jinħatar kap ta’ Heritage Malta m’huwiex aċċettabli u anti kostituzzjonali għal aħħar.

Mill-2013 ‘il hawn il-gvern ta’ Joseph Muscat ra illi jimpjega lid-deputati laburisti fl-eżekuttiv.  Inizjalment, kien anke offra li jagħmel l-istess mad-deputati nazzjonalisti imma fortunatament, it-tmexxija tal-epoka tal-PN kienet irrifjutat dina l-offerta.  Dan minflok ma joffri pakkett diċenti lid-deputati sabiex iwettqu x-xogħol primarju tagħhom, dak li jilleġislaw u li jżommu l-gvern fuq ponot subgħajh.  Għax dan m’hux id-dmir biss tal-Opposizzjoni imma anke tal-back benchers tal-gvern.

Il-ġimgħa l-oħra kont qed nitkellem ma wieħed midħla sew fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna u qalli illi Brian Schembri kellu salarju ta’ €90,000 bħala direttur tal-orkestra nazzjonali u kull meta kien jiġi Malta kien joqgħod f’lukanda lussuża.  Allura jekk sabiex inħallsu lid-direttur tal-orkestra ma kellniex problemi, għalfejn din ix-xaħħa kollha mal-parlamentari?

Il-kwistjoni hija delikata għaliex b’dak li qed jiġri l-gvern qed iżomm kontroll assolut fuq il-backbenchers tiegħu, dawk li jaspiraw għall-kariga ministerjali u forsi frustrati illi ma ngħatietilhomx.  Dan m’hux aċċettabli f’demokrazija parlamentari u dan il-konflitt t’interess, din l-inkostituzzjonalità għandha tieqaf illum qabel għada.  Imma fil-qagħda attwali ta’ kif inhuma sejrin l-affarijiet, it-tama illi dan isir hija tassew limitata.  

Eżekuttiv illi ftit li xejn hu mxekkel minn parlament dgħajjef hu r-riċetta għal kriżi serja fid-demokrazija tagħna.  U jekk irridu nkun sinċieri din hi l-qagħda f’pajjiżna. Jekk ma nirrikonoxxux illi din hi l-qagħda li ninsabu fiha, ftit hemm tama illi l-affarijiet jistgħu jitranġaw.

[email protected] gmail.com

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.