5 affarijiet li ma kontx taf dwar it-Tazza tad-Dinja

Ix-xahar id-dieħel kulħadd imweħħel mal-iscreen tat-TV jara t-Tazza tad-Dinja...l-ILLUM tħares lejn ftit mill-aktar mumenti interessanti ta’ dan il-kampjonat

Liam Carter / 12 ta' Mejju 2018 10:28
Mejju wasal u dan ifisser li qed joqrob l-istaġun għal qalb ħafna, is-sajf. Għal ħafna nies dan l-istaġun iġib miegħu rilassament, trankwillità u tgawdija. Però jekk inti partitarju akkanit tal-futbol, ċertament li l-logħob tat-Tazza tad-Dinja li mistenni jibda 33 ġurnata oħra se jaffetwalek xi naqra t-tranwkillità u r-rilassament li int tant ħerqan għalih, b’mod speċjali jekk int partritarju tal-Ingliżi (bħali). Jekk int partitarju tat-Taljani m’għandekx problemi.

L-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena se tkun il-21 darba li dan qed iseħħ, 88 sena wara li l-ewwel turnew li kien sar fl-Urugwaj. Din id-darba r-Russja se tkun qed tospita t-32 pajjiż li mistennija jikkompetu u għall-ewwel darba fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni se jkunu qegħdin jikkompetu l-Iżlanda u l-Panama (iva, se nibqgħu nisimgħu bil-Panama). Fid-dawl ta’ dan kollu din il-gazzetta tat ħarsa lejn stejjer mhux tas-soltu, fatti interessanti u mhux magħrufa li jsaħħru l-istorja ta’ din il-kompetizzjoni tant prestiġjuża.

It-tim ta’ Zaire jisraq BMW

Fit-Tazza tad-Dinja tal-1974 li saret fil-Ġermanja tal-Punent, kull tim li pparteċipa kellu xarabank tal-għamla BMW bil-kuluri tan-nazzjon li jirrappreżentaw. Din kienet tintuża sabiex tittrasporta lill-plejers għal-logħob u lura għal-lukanda. Wara li spiċċa l-logħob, rappreżentant mill-kumpanija li sellfet dawn ix-xarabanks waslet il-lukanda fejn kien qed joqgħod il-kontiġent ta’ Zaire (mir-Repubblika tal-Kongo), biex terġa' tieħu lura x-xarabank però ma sabet xejn. It-tim ta’ Zaire qabad u telaq b’din ix-xarabank lura lejn id-dar. L-awtoritajiet Ġermaniżi mbagħad waqqfu l-vettura li kienet qed tinstaq fuq l-autoban.

Il-gwerra tal-futbol tal-1969

Hi prassi li l-futbol xi kultant iqajjem argumenti bejn partitarji differenti però fl-1969 ir-rivalità ħadet pjattaforma differenti, dik ta’ kunflitt armat bejn żewġ pajjiżi; il-Ħonduras u l-El Salvador. Għalkemm il-kawża diretta għal din il-Gwerra hi kumplessa u fil-fatt tinvolvi diversi kwistjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi bħall-art, l-agrikoltura u l-imigrazzjoni, ir-relazzjoni xejn stabbli bejn iż-żewġ pajjiżi ġiet rovinata wara partita futbol bejn iż-żewġ timijiet.

Iż-żewġ nazzjonijiet kienu qed jiffaċċjaw ukoll lil xulxin f'grupp kwalifikanti biex jilħqu l-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja 1970. Il-Ħonduras rebaħ l-ewwel logħba fil-kapital tagħhom fit-8 ta' Ġunju 1969, wara kien qam ġlied vjolenti. Ġimgħa wara, waqt il-logħba tar-ritorn f'San Salvador raw it-tim tal-El Salvador jirbaħ 3-0. Wara t-tieni logħba l-irvellijiet ħraxu u saħansitra tilfu ħajjithom partitarji taż-żewġ nazzjonijiet.

Finalment kien hemm bżonn tat-tielet logħba biex tifred liż-żewġ timijiet, it-tim tal-El Salvador skorja fil-ħin miżjud biex jirbaħ 3-2 u javvanza għal-logħba finali kontra Ħajiti li kienet tiddetermina l-kwalifika.

Fl-istess ġurnata, il-gvern tal-El Salvador kien qata' r-rabtiet diplomatiċi mal-Ħonduras, minħabba li dan tal-aħħar, naqas milli jikkastiga allegati reati kontra immigranti tal-El Salvador. L-għada, il-Ħonduras għamlet l-istess. Dawn il-kwistjonijiet finalment wasslu għall-gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi li serqet il-ħajja ta’ aktar minn 5,000 persuna.

Rolls Royce għal kull min isib ix-xibka

Min hu mejjet għal qatra u min hu mejjet fis-sakra. Fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-1990, Sheik Mohamed tal-UAE kien wiegħed karozza tal-għamla Rolls Royce, lil kull plejer li jiskorja fil-logħbiet ta’ dan it-turnew. It-tim kien irnexxielu jiskorja żewġ gowls qabel ma ġie eliminat mill-kompetizzjoni.

$38,000,000 għal min jirbaħ it-Tazza tad-Dinja

Min jirbaħ l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena se jkun premjat b’$38 miljun minn fond tal-FIFA li b’kollox jagħti $400 miljun lill-pajjiżi parteċipanti.

Il-FIFA qalet li kull waħda mit-32 federazzjoni nazzjonali li jikkompetu fir-Russja se tieħu mill-inqas $8 miljun, l-istess bħal fl-2014 meta l-fond tal-premju kien ta’ $358 miljun.

Tliet snin ilu, ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja, il-Ġermanja rċeviet $35 miljun u l-Arġentina li ġew fit-tieni post irċevew is-somma ta’ $25 miljun. Din is-sena, il-pajjiż li ser jikkwalifika fit-tieni post se jirċievi wkoll $28 miljun, żieda ta' $3 miljun mill-figura li ħadu l-Arġentina

Għamillu wieħed Ġuż

Skont statistika li kienet ppubblikata wara l-World Cup tal-2010 li saret fl-Afrika ta’ Isfel, iktar minn 750,000 litru ta’ birra ġew mibjugħa minn ġol-istadium. Jiġifieri 3,170,064 flixkun birra.