Opinjoni | Malta t'għada

Joseph Muscat ma jridx biss li pajjiżna jkun fl-aqwa pożizzjoni llum, imma jrid li mil-lum nilqgħu għall-isfidi t'għada...

Ministru Owen Bonnici / 3 ta' Mejju 2018 09:32
It-tema tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista hija Malta t'għada.

Din it-tema fiha ħsieb u sinjifikat.

Mhijiex tema b'saħħitha sempliċiment għax iddoqq sabiħ fil-widna.

Hija tema b'saħħitha għaliex tiġbor żewġ elementi kruċjali – il-preżent (Malta) u l-futur (t'għada).

Il-Partit Laburista ilu fit-tmexxija ta' dan il-pajjiż ħames snin u f'dawn il-ħames snin trasforma pajjiżna għall-aħjar.  Joseph Muscat ma jridx biss li pajjiżna jkun fl-aqwa pożizzjoni llum, imma jrid li mil-lum nilqgħu għall-isfidi t'għada.

Biex inkunu pass 'il quddiem qabel ħaddieħor.

Malta

Malta hija kelma b'saħħitha ħafna li tfisser ħafna affarijiet lilna l-Maltin.

Forsi għall-barranin, il-kelma Valletta hija b'saħħitha iktar minn Malta. Għalina l-Maltin, Malta hija kelma li tfisser il-bidu ta' ħafna affarijiet sbieħ.

It-tmexxija tal-pajjiż qiegħda f'idejn Gvern li qed iġib riżultati b'saħħithom ħafna.

Fil-kamp ekonomiku pajjiżna miexi 'l quddiem f'livelli bla preċedent.  Fil-kamp soċjali qed isiru riformi li qatt ma ħlomna li jistgħu jsiru fi żmien tant qasir.  Bl-istess mod fid-diversi oqsma qed nikskbu riżultati tajbin ħafna.

Il-Maltin u Għawdxin illum qed jgħixu ħajja aħjar milli kienu jgħixu ħames snin ilu

Din hi Malta tagħna.

Għada

Il-politiku li għandu viżjoni ma jaħsibx biss fil-lum. Jaħseb ukoll f'għada.

Missier għaqli u li verament iħobb lil uliedu ma jiħux biss ħsieb li jixtri l-ikel lil uliedu biex jieklu llum u jipprovdilhom saqaf fuq rashom. Missier għaqli jinvesti fit-tagħlim ta' wliedu u joħloq proġetti biex uliedu meta jikbru jgħixu ħajja aħjar milli kien jgħix hu.

Hekk ukoll Prim Ministru għaqli. Ma jipprovdix biss soluzzjonijiet għal-lum imma jibni futur aħjar minn issa.

Dak Ii qed jagħmel Joseph Muscat.

L-għaqda

Wieħed mis-suċċessi l-kbar ta' Joseph Muscat kien li frott il-perseveranza, il-ħila u l-impenn, iżomm lill-Partit Laburista magħqud ponn wieħed.

Partit maqsum ma jista' qatt jaspira li jmexxi l-pajjiż 'il quddiem.

"Kieku vera jemmen fil-governanza tajba, Simon Busuttil kien missu fetaħ il-bibien tal-Partit Nazzjonalista beraħ u stieden lill-Kummissjoni Elettorali tinvestiga kull rokna tad-Dar Ċentrali tal-PN"
Il-Partit Laburista hu magħqud ponn wieħed għaliex jgħaqqdu flimkien l-ideal u l-aspirazzjonijiet ta' Malta aħjar u iktar progressiva.

Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista hu mifrud fi tliet biċċiet - il–biċċa ta' Delia, il-biċċa ta' Simon u l-biċċa ta' Marlene. Għal ftit żmien jidhru li qed ikantaw mill-istess karta imma mbagħad mal-iċken test is-sopran ikanta diska u l-baritonu jkanta diska differenti.

Dan it-taħwid bla preċedent għandu l-għerq tiegħu f'ħaġa waħda ċara – dik li m'hemmx twemmin wieħed b'saħħtu li jġib flimkien il-Partit Nazzjonalista.  Illum, x'jirrappreżenta l-Partit Nazzjonalista?  What does PN stand for?

Governanza tajba

Fazzjoni tal-PN - dik ta' Simon - iddeċidiet li tagħmel il-governanza tajba l–missjoni numru wieħed tagħha.

Din il-ġimgħa kien hemm sentenza fil-Qorti li waqqgħet il-maskra tal-ipokrezija.  Sentenza b'saħħitha ħafna fejn essenzjalment il-PN tilef b'knock-out mal-ewwel round.

Tiftakru l-iskandlu DB meta Simon inqabad li kien jieħu donazzjonijiet bi ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti?  Dakinhar dan id-difensur tal-governanza tajba għamel ħiltu kollha biex jirbaħ iż-żmien u jattakka kemm jiflaħ lir-regolatur (il-Kummissjoni Elettorali) u kien qal kulma ġie f'ħalqu kontra l-Kummissjoni.

Il-Qorti qalet li Simon Busuttil kellu tort mija fil-mija.

Kieku vera jemmen fil-governanza tajba, Simon Busuttil kien missu fetaħ il-bibien tal-Partit Nazzjonalista beraħ u stieden lill-Kummissjoni Elettorali tinvestiga kull rokna tad-Dar Ċentrali tal-PN.  Minflok mar il-Qorti biex itellef kemm jiflaħ.

Jekk Simon Busuttil hu l-aqwa esponent tal-PN dwar governanza tajba, nixtieq inkun naf l-agħar esponent tal-PN kif ikun.

Valletta 2018

Bħalissa l-klikka ta' Simon Busuttil qed tagħmel ħilitha kollha biex titfa' t-tajn fuq Malta. Iktar ma tara tajn ġej fuq Malta, iktar tieħu pjaċir u erħilha tiftiehem mal-barranin biex jekk jista' jkun anke Donald Trump joħroġ jgħid li Malta huwa pajjiż mimli xjaten u nies bla qalb.

'Il hinn minn x'qed tagħmel il-klikka ta' Simon għal raġunijiet purament politiċi jew raġunijiet oħra, aħna għandna dover li nibqgħu niddjalogaw u nitkellmu mal-kollegi tagħna Ewropej u barranin biex wieħed jifhem aħjar lill-ieħor.  Nemmen li aħna rridu nkunu dejjem iktar sensittivi għar-realtajiet li qed jinbnew u fl-istess waqt aħna nfhemu iktar dak kollu li qed nagħmlu biex min wettaq l-attakk orribbli fl-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizia jieħu li ħaqqu.

F'dan il-kuntest kollu nibtet kritika qawwija fuq il-Fondazzjoni Valletta 2018 fejn numru ta' esponenti Ewropej u minn Leeuwarden qed jitolbu għat-tneħħija ta' Jason Micallef.  Ir-raġuni tat-tneħħija ta' Jason Micallef hi li hu rredikola l-famuża frażi "the situation is desperate".

"Ir-raġuni tat-tneħħija ta' Jason Micallef hi li hu rredikola l-famuża frażi ‘the situation is desperate’"
Irrid ngħid li dan l-iżvilupp nikkittni ħafna għaliex bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018, Leeuwarden 2018 u l-istituzzjonijiet Ewropej bnejna rapport eċċellenti.  Biss wieħed irid ikun sensittiv għar-raġunijiet li wasslu lil dawn il-ħbieb tagħna jgħidu dak li qalu.

Jien se nitkellem ma' sħabna tal-Olanda u mmur fejn hemm bżonn biex nispjega punt fundamentali:  taqbel jew ma taqbilx ma' dak li kiteb Jason Micallef, nemmen li kull min hu verament Ewropej u għandu l-valur Ewropej għal qalbu jaqbel li Jason Micallef għandu dritt għall-opinjoni tiegħu.  Dak hu valur kruċjali fid-demokrazija.  Li tiddefendi d-dritt ta' ħaddieħor li jgħid anke dak li ma taqbilx miegħu.  Bħalma Manwel Delia għandu dritt jgħid bl-iktar mod qawwi li s-sitwazzjoni hija ddisprata bl-istess mod għandu dritt Jason Micallef jgħid bl-iktar mod qawwi li s-sitwazzjoni mhijiex iddisprata. 

Ma jistax ikun hemm sett ta' liġijiet u standards għal min jikkritika lill-Gvern u sett ta' liġijiet u standards differenti u inferjuri għal min ma jikkritikax il-Gvern.  Fejn hemm id-demokrazija hemm valur b'saħħtu tat-tolleranza u l-libertà tal-espressjoni. Dak hu valur għal qalbna ħafna.  Dak hu wara kollox li l-ġurnaliżmu jirrappreżenta.

Issa nifhem li Jason Micallef għandu wkoll funzjoni pubblika u għalhekk f'dan il-kuntest dejjem nappella għall-kawtela u l-prudenza.

M'għandix dubju li iktar ma nfhemu dak li qed nagħmlu u x-xogħol li qed inwettqu għat-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni u s-saltna tad-dritt, iktar dak li jkun jirrealizza kemm aħna ġenwini fil-ħidma tagħna.