Films li ma għandekx titlef din il-ġimgħa

Jekk għandek ftit ħin fuq idejk titlifx dawn it-tliet films

Carmel Bonnici / 23 t'April 2018 10:29
Rampage

Atturi Ewlenin: Dwayne Johnson; Naomie Harris; Malin Ackerman; Jake Lacy; Jeffrey Dean Morgan.

Direttur: Brad Peyton.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 107 min.

Ċert. 12A

Dwayne Johnson, wieħed mill-aktar atturi popolari tal-preżent, qed jerġa' jinvolvi ruħu f'xenarju ta' ħerba totali, bħal f’San Andreas, fejn juri l-abbilità kollha tiegħu, is-saħħa li għandu u l-kariżma biex isalva dak li jista', f’Rampage. Wara li qorob lejn vulkan attiv, hekk kif inqabad fuq gżira li qed tegħreq u wara li sab ruħu fl-epiċentru ta' terremot tassew qawwi, issa se jkollu jikkumbatti avversarji feroċi ħafna akbar minnu. Fil-parti ta' Davis Okoye, Johnson jittrenja u jieħu ħsieb ta' xi gorilli, fosthom George, gorilla bajdanija lewn il-fidda li hi ikbar mill-oħrajn u aktar intelliġenti. Esperiment sigriet mill-U.S. Intelligence Community, wara użu ħażin jagħmel lil George ikbar fl-istatura bit-tendenza li jkisser u jħarrbat. Din l-isfortuna tolqot ukoll lil xi annimali oħrajn li jsiru ġganteski u flimkien ma' George jimbarkaw fuq traġitt ta' ħerba terribbli fi bliet kbar. Flimkien ma' Katie Caldwell (Harris), xjentista li hi esperta fil-kura tal-annimali u li tkeċċiet mix-xogħol minn sid korrott, dawn it-tnejn se jazzardaw jesploraw territorju mwaqqa' u mħarbat b'mediċina li tista' timmansa lil George, li tant Davis għadu jħobb u biex ukoll jevitaw katastrofu globali. ‘Rampage’ hu film imfawwar b'azzjoni sfiqa ta' straġi palpabbli, b'mumenti ħelwin ta' logħob mal-annimali u anki sekwenzi li jġibu tbissima. Meta wieħed jara dan il-film aktarx jiftakar f'‘King Kong’, però hu aktar imxaqleb lejn ‘Mighty Joe Young’.

Love, Simon

Atturi Ewlenin: Nick Robinson; Josh Duhamel; Alexandra Shipp; Jennifer Garner; Katherine Langford.

Direttur: Greg Berlanti.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 110 min.

Ċert. 12A

Kulħadd fiż-żogħżija tiegħu jsir iħobb lil xi ħadd jew jintilef wara xi ħaġa. Hekk ġralu Simon Spier (Robinson), żagħżugħ ta' 17-il sena, però din l-imħabba tiegħu hija daqsxejn konfuża. Simon li qed iħoss ruħu li hu ‘gay’ ħa grazzja ma’ wieħed mill-klassi tiegħu, minn avviż fuq l-internet, imma għadu ma jafx l-identità tiegħu. Lill-familja għadu ma qalhomx b'din il-preferenza tiegħu. Il-mod kif se jiżvela dan mal-ġenituri u l-investigazzjonijiet li jaddotta, meta jkun irrikattat, biex isib lill-maħbub, se jirriżultaw f'sitwazzjonijiet umoristici u oħrajn komplikati li se jibdlulu ħajtu radikalment u jimlewh b'kuraġġ biex apertament juri dak li tassew iħoss. ‘Love, Simon’ hu addattat minn fuq il-ktieb ippubblikat fl-2012, ‘Simon vs The Homo Sapien's Agenda’ tal-awtrici Becky Arbertelli li rebaħ l-Unur tal-Aqwa Debut Adult tas-sena. Meta kitbitu kienet psikoloġista, b'ħafna karattri fil-menti tagħha barra li ħadmet ma' żgħażagħ kuraġġużi li ma jikkonformawx ma' dak li nqisu normali fil-ħajja. Il-protagonist żagħżugħ Nick Robinson hu tassew ġenjali, simpatiku u allegru.

Truth or Dare

Atturi Ewlenin: Lucy Hale; Tyler Posey; Violett Beane; Hayden Szeto; Sophia Taylor Ali.

Direttur: Jeff Wadlew.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 100 min.

Ċert. 15.

Truth Or Dare! huwa thriller tas-sopranaturali mmirat apposta għaż-żgħażagħ li ma jħobbux iħabblu rashom jew jużaw xi ftit sens komun jew anki immaġinazzjoni. Grupp ta' adoloxxenti ħbieb jiddeċiedu li jilagħbu l-logħba ‘Truth Or Dare’ tant popolari f'riċevimenti apposta għalihom. Meta xi ħadd jew xi ħaġa misterjuża tibda tikkastiga lil dawk li jgħidu xi gidba jew jibżgħu jazzardaw, din il-logħba komuni suppost ta' ebda periklu tinbidel f'waħda ta' biża’ u mwiet. Wara bidu kwiet, b'ċajt bejn il-kompetituri, dan il-film jaqleb f'wieħed vjolenti, b'mezzi varji ta' qtil bħal xi sparatura, b'sikkina jew mus jaqta', xi għonq miksur, jew xi ħadd jingħata n-nar. Però, ħaġa tajba hi li dawn ir-reati mhumiex daqshekk vividi. Il-ħbiberija ta' bejniethom tieħu żvolta għall-agħar meta dawn l-adoloxxenti jibdew jixorbu żżejjed. L-azzjoni ta' din il-produzzjoni sseħħ fil-Messiku, f'post diżabitat fi dlam ċappa, fi knisja mġarrfa, fejn dawn iż-żgħażagħ, wara li kienu ilhom ġimgħa jixorbu, jiddeċiedu fuq il-logħba Truth Or Dare! Dan hu xogħol li ma joffri xejn ġdid, b'sitwazzjonijiet fejn kull żagħżugħ li għandu daqsxejn melħ f'moħħu, żgur li jevitahom.