Opinjoni | L-Awtorità tal-Ambjent saret ċajta

L-Awtorità messa ħarġet b’mod ċar favur il-ħtieġa li ma nibqgħux għaddejjin b’din il-bluha għax m’għandniex bżonn ta’ iktar pompi...

Carmel Cacopardo / 17 t'April 2018 10:58
Id-dibattitu pubbliku dwar il-pompi tal-petrol u d-dijsil forsi jġib li xi wħud f’sensihom. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għadha kif ipproduċiet proposta li tipprova tnaqqas id-daqs massimu tal-pompi tal-petrol u d-dijsil mit-tlett elef metru kwadru kurrenti għall-qies li ma jkunx jaqbeż l-elfejn metru kwadru.

Din iċ-ċajta goffa issa tittrasforma ruħha f’farsa sħiħa meta l-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera ddikjara li l-14-il applikazzjoni pendenti li hemm għall-pompi tal-petrol u d-dijsil mhux ser ikunu effettwati minn din il-proposta għat-tnaqqis fil-qies!

L-Awtorità messa ħarġet b’mod ċar favur il-ħtieġa li ma nibqgħux għaddejjin b’din il-bluha għax m’għandniex bżonn ta’ iktar pompi tal-petrol u d-dijsil. Kien meħtieġ li l-ERA wkoll toġġezzjona fil-prinċipju u mhux tkompli traqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar! Dawn il-kompromessi kollha qed iwasslu għal riżultat wieħed: l-istupru aċċelerat tal-ambjent Malti. Bil-proposta tagħha l-ERA ngħaqdet fil-lista ta’ dawk li jitgħawġu ġanċ biex jiġġustifikaw kollox, inkluż dak li mhux ġustifikabbli.   

"L-Awtorità tal-Ippjanar ilha li abbandunat il-missjoni tagħha...sfortunatament issa ngħaqdet magħha wkoll l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi"
Jekk il-politika ddikjarata tal-Gvern li jispiċċaw mit-toroq Maltin il-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijsil tkun xi darba mlaħħma, ftit ser ikollna bżonn ta’ pompi tal-petrol u d-dijsil: anzi eventwalemnt ma jkollna bżonn ta’ xejn. Allura għalfejn l-ERA ma taqbadx il-barri minn qrunu u tiddikjara gwerra kontra l-kompromessi ma jispiċċaw qatt li dejjem jirnexxilhom isibu xi forma ta’ skuża biex jiġġustifikaw l-istupru tal-ambjent?

Għal uħud dan hu biss ħolm. Fir-realtà hu l-uniku triq li tagħmel sens.

Darba kellna Strateġija Nazzjonali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. Kienet imfassla wara eżerċizzju estensiv ta’ konsultazzjoni pubblika li fiha ħadu sehem kemm is-settur pubbliku kif ukoll is-settur privat u dak volontarju.

Din l-istrateġija, fost oħrajn,  titkellem dwar il-mobilità sostenibbli: strateġija integrata dwar it-trasport hi meħtieġa biex tkun indirizzata l-mobilità sostenibbli, liema strateġija tieħu tikkunsidra l-effiċjenza fit-trasport, il-ħarsien tal-ambjent, il-ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa pubblika kif ukoll l-inklużjoni soċjali.

Fi kliem sempliċi politika dwar il-mobilità sostenibbli hi l-mudell li tiffaċilita l-moviment tan-nies bl-inqas impatt possibli fuq l-art u fuq l-ambjent. Tfisser li nippjanaw il-ħtieġijiet tagħna ta’ mobilità b’mod li l-impatti negattivi jkunu l-inqas possibli.

Bħala pajjiż għandna bżonn nindirizzaw il-kawża tal-ħerba fil-politika dwar it-trasport u mhux noqogħdu nilagħbu bl-effetti tagħha. Jkun ferm aħjar kieku l-Ministeru tat-Trasport, flok ma jibqa’  jilgħab  bil-fly-overs u l-mini jindirizza n-numru dejjem jiżdied ta’ karozzi fit-toroq tagħna. Minflok ma jagħmel hekk, il-Ministeru tat-Trasport donnu li hu determinat li jiffaċilita ż-żieda tal-karozzi u l-kontroll assolut tat-toroq tagħna da parti tagħhom. Il-proġetti infrastrutturali  tal-Kappara u l-Marsa inkella l-mini ppjanati għal taħt Santa Luċija għalkemm għandhom l-iskop li jindirizzaw il-konġestjoni tat-traffiku ser iservu biss biex tiżdied il-kapaċità tat-toroq tagħna li jifilħu għal iktar karozzi. Għal ftit taż-żmien il-konġestjoni tonqos imma mbagħad ma ddumx ma terġa’ tiżdied. Imbagħad forsi jkun wasal iż-żmien għal flyover jew mina oħra.

"Bil-proposta tagħha l-ERA ngħaqdet fil-lista ta’ dawk li jitgħawġu ġanċ biex jiġġustifikaw kollox, inkluż dak li mhux ġustifikabbli"
Fi ftit kliem il-problemi tal-lum nipposponuhom għal għada. Imbagħad għada jkunu agħar u iktar diffiċli biex jissolvew. Il-Gvern qed jaġixxi qiesu dik il-persuna li għandha piż żejjed li biex isolvi l-problema tiegħu jippreferi jwessa’ l-qalziet flok ma jagħmel dieta stretta!

F’dan il-kuntest il-politika dwar il-pompi tal-petrol u d-dijsil qed isservi biex taqdi u tiffaċilita ż-żieda tan-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna. Min qed jibbenefika minn dan kollu? Jekk mhux ser jittieħdu passi immedjati biex dawn l-iżbalji madornali jkunu kkoreġuti m’aħniex ser inkunu f’pożizzjoni li bħala pajjiż nimplimentaw il-politika li jonqsu l-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijsil. Bħala riżultat ta’ dan, l-obbligu tagħna li niddikarbonizzaw l-ekonomija jtir mar-riħ.

L-Awtorità tal-Ippjanar ilha li abbandunat il-missjoni tagħha. Sfortunatament issa ngħaqdet magħha wkoll l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi.

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com