Opinjoni | Theddid serju

F’pajjiżna madankollu x-xiri tal-voti sar qisu prattika mill-aktar leġittima minkejja illi hu reat kriminali...

Joe Ellis / 11 t'April 2018 18:00
ritratt: Arkivji
X’inhi d-demokrazija? Fil-ħajja ta’ kuljum forsi ma tantx nirriflettu jew nagħtu wisq każ lil din id-domanda. Ilkoll kemm aħna medhijin bil-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum: ix-xogħol, l-edukazzjoni tat-tfal, il-ħlas tal-kontijiet u s-self tal-bank u mitt ħaġa oħra. Għal ħafna u ħafna nies, sakemm jitħallew jgħixu ħajjithom bil-kwiet u jaqilgħu l-għaxja ta’ kuljum, qajla jinteressahom xi tfisser eżatt id-demokrazija.

Huwa biss meta tinqala’ xi kwistjoni illi timpinġi fuq l-ispazju vitali tal-individwu illi l-valur vera tad-demokrazija jsir jfisser ħafna għal kull wieħed u waħda minnha.  Spiss wieħed joqmos biss meta jsoffri xi inġustizzja b’xi miżura amministrattiva abbusiva jew ikun effetwat b’xi tibdil leġislattiv.  U jibda jkellem u jagħmel pressjoni lil xi għaqda li tirrappreżentah jew lil xi ministru, deputat, kandidat, galoppin jew xufier mhux neċessarjament f’din l-ordni.

Mhux faċli tiddefinixxi x’inhi d-demokrazija imma wieħed ċertament jista’ jiddeskrivi bosta mill-attribwiti tagħha. Fost dawn hemm elezzjonijiet ħielsa kull tant żmien, stampa ħielsa, libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tal-kult, indipendenza tal-ġudikatura u separazzjoni tal-friegħi differenti tal-istat. Dawn huma kollha testijiet li wieħed irid japplika sabiex jikkonkludi jekk pajjiż hux demokratiku jew le.

"l-liġi qiegħda hemm imma ħadd ma josservaha u ftit huma dawk illi jirrealizzaw illi dawn il-wegħdiet qegħdin iħassru l-għeruq demokratiċi tal-pajjiż"
Meta kien hawn id-dibattitu fażull jekk nidħlux fl-Unjoni Ewropea, min kien kontra kien iqajjem l-argument illi jekk insiru membru, pajjiżna ser jitlef is-sovranità. Anke hawnhekk tajjeb illi wieħed jirrifletti x’wieħed jifhem meta jitkellem dwar is-sovranità ta’ pajjiż. Il-kunċett ta’ sovranità ta’ pajjiż hu simili għal dak ta’ libertà fuq livell personali. Li tkun ħieles ma jfissirx illi tagħmel li trid: libertà ma tfissirx libertinaġġ imma illi inti ħieles minn riperkussjonijiet negattivi jekk tgħix fil-limitu ta’ regoli li huma determinati mir-rappreżentanti eletti mill-poplu. Għandi ħabib jgħix iċ-Ċina li qalli illi fuq livell personali, iċ-Ċiniżi għandhom  ħafna u ħafna libertà. Imma dan sakemm ma jmissux il-gvern għax min jikkritika b’xi mod il-gvern iħallas prezz ferm qares. Ċertament iċ-Ċina mhux pajjiż ħieles.

L-istess bħal-libertà, is-sovranità ma tfissirx illi pajjiż jagħmel dak li jrid.  Id-dritt internazzjonali jimponi bosta reguli fuq il-pajjiżi li jridu jiġu rispettati. Huwa minnu illi d-dħul ta’ Malta fl-UE bilfors fisser limitazzjoni fil-libertà tal-azzjoni ta’ pajjiżna. Nieħdu pereżempju l-qasam tal-kummerċ: pajjiżna bilfors irid jadotta l-ftehim kummerċjali illi l-UE tinnegozja għan-nom tat-28 membru tagħha. Imma dan hu vantaġġ jew żvantaġġ? Bħalissa l-UE qiegħda tikkonkludi ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Ġappun u mal-Indja. Kieku pajjiżna kellu jinnegozja dawn il-ftehim individwalment ma kienx ser ikollu l-istess saħħa negozjali tal-UE. U kien jispiċċa b’termini inferjuri jew possibilment anke mingħajr l-ebda ftehim. Għax liema pajjiż ħa joqgħod jaħli l-ħin u l-enerġija fuq pajjiż ta’ anqas minn nofs miljun? Mhux daqshekk faċli illi pajjiż jipproklama s-sovranità tiegħu u jmur waħdu għal għonq it-triq. Ir-Renju Unit ser ikollu jinnegozja ftehim ġdid mal-pajjiżi illi magħhom l-UE għandha ftehim ta’ kummerċ ħieles malli joħroġ mill-UE imma qed jittama illi juża l-ftehim milħuq mal-UE bħala mudell għall-ftehim li jrid jilħaq.  F’dawn in-negozjati, żgur mhux ser ikollu s-saħħa negozjali illi għandha l-UE b’500 miljun konsumatur meta jibda dawn in-negozjati u qed jirriskja illi jispiċċa f’qagħda ferm agħar milli għandu llum.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet spiss jintesew minn dawk illi jattakkaw l-UE għaliex iħossu li tindaħal wisq fl-affarijiet ta’ pajjiżhom. Iridu UE illi tindaħal anqas jew anke li pajjiżhom joħroġ minnha jew miż-żona ewro. Dawn jissejħu sovranisti u ta’ dan għandna eżempju l-Lega u sa ċertu punt il-Moviment 5 Stelle fl-Italja, l-AfD fil-Ġermanja, Geert Wilders fl-Olanda u Marine LePen fi Franza.  Dak li qed jiġri fin-negozjati biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE juri kemm huma limitati l-għażliet ta’ dawn is-sovranisti u kemm huma kbar l-illużjonijiet tagħhom. Qatt ma ltqajt ta’ mod aħjar kif wieħed jiddeskrivi l-appartenenza fl-UE minn dik tal-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami meta qal illi din tfisser illi pajjiżna jaqsam is-sovranità tiegħu ma dik tal-pajjiżi membri oħra.  Għax hekk fil-fatt jiġri. Is-sovranità nazzjonali tiġi kkundizzjonata minn deċiżjonijiet kondiviżi bejn il-pajjiżi membri u r-regulamenti u direttivi approvati mill-gvernijiet nazzjonali u mill-parlamentari eletti mill-pajjiżi membri kollha. 

Mela kif rajna libertà u sovranità huma kunċetti relattivi illi jagħtu lil individwu u lil pajjiż libertà ta’ azzjoni fil-qafas ta’ reguli u liġijiet li saru bħala riżultat ta’ proċess maqbul.  Fundamentali sabiex individwu jeżerċita l-libertà tiegħu u pajjiż is-sovranità tiegħu hu l-isvolġiment ta’ elezzjonijiet ħielsa illi jippermettu illi min jieħu l-poter jkollu leġitimità demokratika.  Jekk l-elezzjonijiet ma kienux ħielsa jew kienu b’xi mod ivvizjati b’xi prattika lleġittima, min jitla’ fil-parlament ma jkollux il-kredenzjali ġusti sabiex igħaddi l-liġijiet li jorbtu lil kulħadd.  U l-gvern illi ried jieħu dawk l-inizjattivi meħtieġa sabiex il-pajjiż jimxi ’l quddiem ikun deleġittimat.

Bosta sviluppi f’dawn l-aħħar xhur qed ipoġġu in dubju kemm l-għażla sovrana tal-poplu qiegħda dejjem issir fil-libertà meħtieġa sabiex ikollha l-leġittimità demokratika meħtieġa.  Rivelazzjonijiet illi saru mill-ġurnal inġliż The Guardian juru kif kumpanija ingliża li  ftit kienet magħrufa sa ftit ilu, Cambridge Analytica flimkien ma’ kumpanija assoċjata AIQ abbużaw mill-aċċess li kellhom għal 87 miljun profil fuq Facebook. Permezz ta’ mudell matematiku, dawn analizzaw il-preferenzi tal-individwu u b’hekk kienu f’posizzjoni illi jissuġġettawh għall-pubbliċità u materjal li jkun jista’ jikkundizzjunah fl-għażliet politiċi tiegħu u jilgħab fuq il-preġudizzji tiegħu.

Dawn il-kumpaniji ntużaw fil-kampanja tal-Brexit fejn AIQ xorbot 40% tal-baġit tal-kampanja Vote Leave kif ukoll fl-elezzjoni Amerikana.  Illum nafu wkoll illi fl-elezzjoni Amerikana kien hemm indħil Russu sabiex ma titlax Hillary Clinton. Clinton urtat lil Putin għax appoġġjat lil dawk illi pprotestaw kontra l-elezzjoni misruqa tiegħu. Għad irridu naraw kemm kien estiż dan l-indħil Russu imma l-inkjesta tal-prosekutur speċjali Robert Mueler ma tidhirx illi waslet lejn it-tmiem tagħha.

"Kull min għandu għal qalbu d-demokrazija f’pajjiżna jrid jiftaħ għajnejh illum qabel għada"
Imbagħad hemm element ieħor illi jivvizzja l-vot populari bil-kbir.  Dan hu x-xiri ta’ voti permezz ta’ favuri jew wegħdiet ta’ favuri.  Ħadd ma għandu jaħseb illi dan isir biss f’Malta. Fl-elezzjonijiet Russi ta’ ħmistax ilu, l-uffiċjali tal-gvern kienu ferm attenti illi jippremjaw lil dawk illi ndenjaw imorru jivvutaw. Fi Sqallija din il-ġimgħa ġie arrestat eks deputat reġjonali u eks sindku ta’ Monreale, ħdejn Palermo.  Dan illum qed jimmilita fil-Lega ta’ Salvini illi suppost hija kontra dawn il-prattiċi imma qiegħed jiġi akkużat illi offra x-xogħol u għamel wegħdi oħra sabiex jakkwista l-voti fl-elezzjoni reġjonali ta’ Novembru li għadda. Jidher illi fi Sqallija l-maġistratura jirnexxilha tikkontrolla xi ftit l-abbużi fost il-politiċi:  din mhux l-ewwel darba illi ġew arrestati politiċi Sqallin talli xtraw il-voti.

F’pajjiżna madankollu x-xiri tal-voti sar qisu prattika mill-aktar leġittima minkejja illi hu reat kriminali.  Impjiegi mal-gvern, promozzjonijiet, permessi, fridges, cookers u favuri oħra jitqassmu bl-akbar liberalità qisu xejn mhu xejn u qisu huwa mod mill-aktar leġittimu sabiex wieħed jakkwista l-poter.  Tant kemm huma aċċettati dawn il-metodi li m’għadhomx jistonaw u kulħadd sar jaċċettahom mingħajr ma jitniffes. Il-liġi qiegħda hemm imma ħadd ma josservaha u ftit huma dawk illi jirrealizzaw illi dawn il-wegħdiet qegħdin iħassru l-għeruq demokratiċi tal-pajjiż. 

Il-prattiċi korrotti, siegħa permezz tax-xiri tal-voti, ħafna drabi bi flus pubbliku kif ukoll bit-tip ta’ operazzjonijiet psikoloġiċi sofistikati bħalma jidher illi għamlet Cambridge Analytica, huma theddida serja għall-vitalità tas-sistema demokratika. Kull min għandu għal qalbu d-demokrazija f’pajjiżna jrid jiftaħ għajnejh illum qabel għada quddiem dawn il-perikli illi għaddejja minnhom minħabba dawn il-fenomeni.

[email protected]

 

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.