Nhar il-Ħadd li ġej: Kulħadd għall-Imġarr għal Festa Frawli

Il-frawli friski mhux se tkun l-unika ħaġa għall-bejgħ f’Festa Frawli. Firxa kbira ta’ ikel u ħelu ispirati mill-frawli żgur li jiftaħlek l-aptit...

Albert Gauci Cunningham / 3 t'April 2018 10:55
Festa Frawli fl-Imġarr nhar il-Ħadd li ġej
Nhar il-Ħadd 8 ta’ April, 2018 il-pjazza tar-raħal agrikolu tal-Imġarr ser tilbes il-libsa tal-festa u terġa' tilqa’ fi ħdana l-avveniment tant mistenni - Festa Frawli . Issa fit-tnax il-edizzjoni tagħha, Festa Frawli tirrappreżenta l-komunità vibranti tal-Imġarr, fejn il-bdiewa u l-voluntiera lokali jingħaqdu f'ħidma kollha ħrara sabiex din il-festa tant sabiħa tar-reġina tal-frott, tkun suċċess. Ċentrali għall-għan tagħha, Festa Frawli taspira għall-preservazzjoni u t-titjieb tal-wirt agrikolu u storiku tal-frawla lokali rinomata, l-agrikoltura Imġarrija permezz tal-ħidma fejjieda ta’ dawk kollha li jagħtu daqqa t’id.

Il-frawli friski mhux se tkun l-unika ħaġa għall-bejgħ f’Festa Frawli. Firxa kbira ta’ ikel u ħelu ispirati mill-frawli żgur li jiftaħlek l-aptit. Pastizzi, arancini, ravjul, majjal, pasti, ġelati, xarbiet bnini u mitt ħaġa oħra jkunu qed jistennew lil dawk kollha li jogħġobhom jiġu jżuruna.

Dan il-festival fir-Rebbiegħa joffri xi ħaġa għal kulħadd. Manwel Aquilina minn Aroma Kitchen, ser jagħti xi ideat dwar kif nużaw il-frawli fl-ikliet mingħajr ma’ naħlu xejn, dawk li jħobbu l-annimali minbarra li jistgħu jġibu l-annimali magħhom se jkunu jistgħu jgawdu u jingħataw pariri kif jieħdu ħsieb l-fniek, photo hunt u attivitajiet oħra. Dawk tal-ħjata dilettanti xi tifkira jistgħu jieħdu magħhom. Minbarra dan hemm ukoll kompetizzjoni tat-tpinġija li se tkun esebita għall-publiku. Festa Frawli tkun mżewqaa wkoll b'ħafna divertiment fosthom DJ Pierre Cordina, kant, żfin u mużika tradizzjonali Maltija matul il-ġurnata, bi gruppi folkloristiċi u talent lokali jallegraw lil dawk preżenti.

Għall-ewwel darba, se jiġu organizzati mixjiet qalb il-kampanja Imġarrija, li kollha jitlqu mill-pjazza kull siegha, sabiex il-viżitaturi jesperjenzaw l-inħawi rurali li jħaddnu bosta postijiet xeniċi li jgħaqqdu diversi siti ta’ valur arkeoloġiku, storiku u naturali bħal Binġemma u l-kosta li testendi mill-Bajja ta' Għajn Tuffieħa sal-Bajja tal-Ġnejna.

Wieħed jista’ jasal Festa Frawli billi juża l-karozzi tal-linja bin-numri 44 u 238 mill-Belt u 101 miċ-Ċirkewwa matul il-ġurnata kollha. Se jiġi pprovdut servizz ta’ shuttle  mill- "Park and Ride" f'Ta' Qali jew segwu s-sinjali li jwassluk f'żoni ta' parkeġġ fil-qrib biex jiffaċilitaw l-aċċessibilità.

Din hija ġurnata li ma għandiex tintilef mill-familja kollha! Aktar dettalji minn fuq il-pagna ta’ Facebook https://www.facebook.com/FestaFrawli/ jew ċemplu l-Kunsill Lokali tal-Imġarr 21520011.

Festa Frawli fl-Imġarr
Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.