Opinjoni | Manoel Island: il-ħarsien tad-dritt tal-aċċess għall-kosta

Carmel Cacopardo jagħti ħarsa lejn il-kontroversji dwar Manoel Island u jisħaq li fl-aħħar dak li ilu ovvju żmien ġie aċċettat

Carmel Cacopardo / 2 t'April 2018 16:54
Il-kontroversji dwar Manoel Island ilhom għaddejjin is-snin. L-azzjoni mill-għaqda ambjentali Kamp Emergenza Ambjent bl-appoġġ tas-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manchè u bosta għaqdiet ambjentali tmintax-il xahar ilu wassal biex jintlaħaq ftehim mal-MIDI li bħala riżultat tiegħu dak li ilu ovvju żmien ġie aċċettat.

It-twaqqif tal-Fondazzjoni għal Manoel Island immexxija mill-ambjentalista Claire Bonello hi deċiżjoni bażika u ta’ importanza. Ma tfissirx li hemm xi qbil dwar dak li seħħ fil-passat imma pjuttost li teżisti determinazzjoni illi aħna u niffaċċjaw il-futur nistgħu nevitaw l-iżbalji tal-passat, jekk jirnexxielna naħdmu flimkien.  Biż-żmien, forsi jirnexxielna wkoll insewwu wħud mill-iżbalji li diġà saru tul is-snin!

Meta tmintax-il xahar ilu, flimkien ma’ bosta oħrajn, ħadt sehem fil-protesta f’Manoel Island, kelli ħsieb wieħed f’moħħi: Ii l-aċċess għall-kosta u għall-ispazji miftuħa f’Manoel Island huma tagħna lkoll. Kien hemm il-ħtieġa urġenti li dan mhux biss ikun affermat, imma li fuq kollox ikun garantit. Dan issa seħħ.

"Il-MIDI kienet qed tissogra ħsara ikbar lir-reputazzjoni tagħha: ħsara li kien jaqblilha li tevita. Kif fil-fatt għamlet"
Il-ftehim dwar il-ħarsien ta’ Manoel Island jiffoka speċifikament fuq id-dritt tal-aċċess tal-pubbliku kemm għall-ispazji miftuħa kif ukoll għall-kosta, liema dritt kien eżistenti minn dejjem, avolja għal żmien twil kien ostakolat. Il-MIDI, fl-aħħar, aċċetta li tirrispetta dan id-dritt u flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Gżira ftehmet kif dan id-dritt jista’ jkun eżerċitat b’mod raġjonevoli. Il-ħidma ta’ bosta ambjentalisti fl-aħħar tat il-frott b’mod li l-MIDI fl-aħħar fehmet li ma setgħetx tibqa’ tevita l-mejda tan-negozjati. Il-MIDI kienet qed tissogra ħsara ikbar lir-reputazzjoni tagħha: ħsara li kien jaqblilha li tevita. Kif fil-fatt għamlet.

Iċ-ċiniċi fostna b’mod korrett isostnu li ma hemmx għalxiex nirringrazzjaw lill-MIDI. Wara kollox dawn għal snin twal ostakolaw lin-nies mid-drittijiet ta’ aċċess. Issa li dan id-dritt intrebaħ lura, tajjeb li nħarsu ’l quddiem lejn sfidi ġodda. Nimxu ’l quddiem bil-mod, pass pass.

Il-ftehim dwar il-ħarsien ta’ Manoel Island ifittex li jindirizza żewġ posizzjonijiet li huma dijametrikament opposti għal xulxin: min-naħa l-waħda id-dritt ta’ aċċess tal-komunità Gżirjana kif appoġġjat mill-għaqdiet ambjentali u min-naħa l-oħra d-drittijiet ta’ żvilupp li l-Parlament ikkonċeda lill-MIDI.

"Il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-għaqdiet ambjentali involuti ħaqqhom kull ħajr għad-determinazzjoni tagħhom li jaslu"
Nistgħu nibqgħu nargumentaw għall-eternità li l-Parlament Malti kien irresponsabbli meta unanimament approva l-mozzjoni li tat drittijiet ta’ żvilupp lill-MIDI fuq il-peninsula ta’ Tigne u fuq Manoel Island. Jiena hekk għadni naħseb u ma nista’ qatt naċċetta dan it-tip ta’ mozzjoni irresponsabbli. Ebda ambjentalist ma qatt jista’ jaqbel ma’ mozzjoni ta’ din ix-xorta minkejja li ġiet imgeżwra f’sensiela ta’ obbligi ta’ restawr fuq Manoel Island.

Meta wieħed iqis li fil-Parlament ma hemmx ir-rieda politika biex id-deċiżjoni Parlamentari tas-snin disgħin tinbidel u Manoel Island tittieħed lura mill-istat, il-Kunsill Lokali tal-Gżira bl-appoġġ tal-għaqdiet ambjentali għamel sewwa li wasal għal dan il-ftehim li jipprovdi għall-ħarsien ta’ Manoel Island. Dan il-ftehim jimla vojt li la l-Parlament u l-anqas il-Gvern ma huma konxji tiegħu u allura qatt ma jistgħu jindirizzawh.

Imma biex ġie konkluż dan il-ftehim kellu jitħallas prezz: l-aċċettazzjoni, suġġett għall-kundizzjonijiet tal-ftehim, tal-Masterplan għal Manoel Island kif ukoll r-rabta da parti ta’ dawk li kienu madwar il-mejda tan-negozjati li la joġġezzjonaw għal u lanqas jopponu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Masterplan. Imma l-ftehim ipoġġi numru ta’ limitazzjonijiet fuq kif għandu jkun implimentat il-Masterplan u għal dan l-iskop jagħti lill-Fondazzjoni għall-Manoel Island il-bażi legali biex timblokka l-kummerċjalizzazzjoni tal-kosta jew tal-ispazji miftuħa.

Alternattiva Demokratika tikkunsidra li l-ftehim dwar il-ħarsien ta’ Manoel Island bħala pass ’il quddiem, minkejja li mhux xi ftehim perfett. Jindirizza l-problema tal-aċċess bażi ta’ doża qawwija ta’ realiżmu. Il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-għaqdiet ambjentali involuti ħaqqhom kull ħajr għad-determinazzjoni tagħhom li jaslu. Il-ftehim dwar il-ħarsien ta’ Manoel Island ma jeskludix il-possibilità li fil-futur, Parlament responsabbli jista’ jikkonsidra bis-serjetà li l-pajjiż jerġa’ jieħu lura Manoel Island. Però huwa biss membru parlamentari elett f’isem Alternattiva Demokratika li jista’ jiggarantixxi li l-materja titqiegħed fuq l-aġenda tal-Parlament.

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com