'Ma nistax nifhem għalfejn tneħħiet ir-referenza għat-tarbija fil-ġuf'

L-Isqof Grech qal li d-Deputati għandhom jivvutaw skont il-kuxjenza dwar kwistjonijiet ta' valuri umani

Yendrick Cioffi / 2 t'April 2018 14:05
L-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech, qal li ma jistax jifhem għalfejn tneħħiet ir-referenza għat-tarbija fil-ġuf fl-abbozz ta' liġi mressaq mill-Gvern dwar il-Vjolenza Domestika.

Meta kien intervista mis-Sunday Times of Malta, l-Isqof Grech fakkar li anke l-Avukat Ġenerali kien saħaq li l-kelma ‘dixxendent’ fil-liġi ma tkoprix lit-tarbija mhux imwielda u għalhekk mhux protetta bil-liġi dwar il-vjolenza domestika.

Il-Partit Nazzjonalista kien ressaq emendi għal din il-liġi biex jerġa’ jiddaħħal ir-rikonoxximent tat-tarbija fil-ġuf “bħala parti integrali tal-familja.”

Fl-aħħar seduta Parlamentari qabel il-btajjel tal-Għid, Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo kien saħaq li l-Gvern kien lest iħallas il-flus għar-restawr tan-niċċa tar-Redentur, iżda ma ħatafx iċ-ċans li jipproteġi lit-tarbija fil-ġuf, bl-emendi fil-liġi tal-vjolenza domestika.

Waqt li faħħar il-fatt li l-Gvern kemm-il darba qal li l-abort mhux fuq l-aġenda tiegħu, Monsinjur Grech qal li ma jistax jifhem x’inhu għaddej. “Ikun aħjar jekk din il-klawżola tibqa’,” saħaq l-Isqof.

"Deputati għandhom isegwu l-kuxjenza..."

Tkellem ukoll dwar il-vot fil-Parlament. Saħaq li l-ebda Membru Parlamentari Kattoliku ma jista’ jimponi t-twemmin tiegħu fuq is-soċjetá, iżda saħaq li hemm valuri umani, bħad-dritt tal-ħajja, li jiżbqu dan.

“L-etika ma għandha xejn x’taqsam mal-morali,” saħaq l-isqof waqt li insista li meta affaċjati b’deċiżjonijiet simili, id-Deputati għandhom isegwu l-kuxjenza tagħhom.

Fil-bidu ta’ Marzu, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ppreżentat Position Paper li fiha qed tipproponi li l-abort ikun dikriminalizzat f’ċertu każi u allura ma jibqax punibbli bil-priġunerija, anke għal dawk in-nisa li jagħmlu abort barra mill-pajjiż.

"Din diskussjoni dwar valuri umani..."

Dwar din id-diskussjoni, l-Isqof Grech kien ċar. “Ma hemmx ħafna xi tgħid dwar din il-kwistjoni. Din mhux xi ħaġa reliġjuża. Mhux qed niddibattu temi teoloġiċi bħat-Trinita jew il-preżenza ta’ Alla fl-Ewkaristija. Din hija diskussjoni dwar il-valuri umani.”

Fakkar f’dak li qal meta żar Dar Ġużeppa Debono f’Għawdex: “Ma nistgħux nilgħabu mal-ħajja.”

Kif kien saħaq mal-gazzetta ILLUM ġimgħat ilu, l-Isqof Grech insista li hemm bżonn tingħata aktar għajnuna lil dawk li jistgħu jaqgħu fit-tentazzjoni li jagħmlu abort.

"L-aħħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li nikkundannaw"

Qal ukoll li huwa talab lil Dar Ġużeppa Debono, imwaqqfa mill-Isqof Nikol Cauchi biex tgħin ommijiet żgħar irabbu t-tarbija jew jagħtuha għall-adozzjoni, biex tintroduċi servizzi ġodda, anke ta’ għajnuna għall-missirijiet.

Semma każ ta’ omm li l-missier xtaqha li tagħmel abort u llum qed tgħajjex lill-wild waħedha. “Dawn huwa l-każijiet li rridu nassistu," saħaq l-Isqof Grech waqt li ddeskriva lil dawn l-ommijiet bħala eroj.

“L-aħħar ħaġa li rridu nagħmlu huwa li nikkundannaw,” saħaq Monsinjur Grech. “Għalhekk jeħtieġ jiżdiedu aktar servizzi ta’ counselling għal dawk li wettqu abort.”

Aqra wkoll: