Opinjoni | Familja

Kienet f'waqtha ħafna t-telefonata tal-PM li min-naħa l-oħra tad-dinja ħa interess, segwa u anke ħabbar li l-Gvern se jkun qed jagħti €5 miljun għal Puttinu 

Ministru Owen Bonnici / 4 t'April 2018 09:24
Il-jiem li għaddew kienu jiem ta' riflessjoni għall-poplu Malti u Għawdxi kollha.

Kredenti kemm inti kredenti, jew mhux kredenti kemm inti mhux kredenti, il-fatt li s-soċjetà tidħol, fil-maġġoranza tagħha, f'perjodu ta' riflessjoni u għaqda tħalli impatt fuq il-familji li jifformaw dan il-pajjiż sabiħ li jismu Malta.

Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar tintebaħ li ħafna nies iħossu ċertu rabta intima mal-perjodu riflessiv li għaddejna minnu minħabba l-uġigħ li l-ħajja kultant timponi fuqna.  Bħalma aħbar ħażina tiġri iktar minn aħbar tajba, hekk ukoll kultant l-uġigħ li wieħed iħoss ikun ikbar u iktar b'saħħtu minn mumenti ta' ferħ li dak li jkun jgħaddi minnhom.

U jekk persuna tkun għaddejja minn dawn il-mumenti tal-uġigħ hu l-obbligu tagħna li nkunu ta' sostenn u għajnuna.

Puttinu

Il-ġabra li Xarabank għamel favur Puttinu kienet espressjoni kollettiva ta' kemm il-poplu jrid ikun ta' sostenn u għajnuna għal għajru.  Inġabru iktar minn €1.3 miljun mingħand in-nies li hija somma verament sabiħa u li kull ċenteżmu tagħha se tmur biex ngħinu lil għajrna.  Fejn jidħlu familji qed ibatu, il-poplu jqum għall-okkażjoni u jagħti kemm jiflaħ.

Għalhekk kienet f'waqtha ħafna t-telefonata tal-Prim Ministru Joseph Muscat li min-naħa l-oħra tad-dinja (l-Awstralja) ħa interess, segwa u anke ħabbar li l-Gvern se jkun qed jagħti €5 miljun għal Puttinu u għall-ħidma ta' din l-organizzazzjoni għal iktar djar Londra biex jgħinu lil min ikollu bżonn il-kura.

Dawn il-€5 miljun se jkunu ġejjin mill-fond li jġib fih l-investimenti li jiġu mill-Programm ta' Ċittadinanza b'Investiment.  Mhuwiex lok li ngħaddi kummenti politiċi għax ma jixirqu lil ħadd, imma rrid nissottolinea kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni li bis-saħħa ta' dan il-programm ikollna fond li bis-saħħa tiegħu nkunu nistgħu naħsbu għall-futur u, f'dan il-każ, ngħinu kawża ġusta u xierqa.  Grazzi Prim Ministru!

Qorti tal-familja

L-iktar parti delikata tad-dekasteru tiegħi hi, bla dubju ta' xejn, il-Qorti tal-familja.

Ta' kuljum nirċievi emails, ilmenti u kull ġimgħa jiġu nies li jinsistu li jridu jiltaqgħu miegħi dwar il-Qorti tal-Familja.  Min għandu xi qarib li qed jarah ibati, inkella l-omm li tara lil bintha tagħqad fil-Qorti… huma ħafna n-nies li jintlaqtu fil-laħam il-ħaj minn din il-Qorti.

Ħa nibda mill-ewwel b'ringrazzjament.  Nirringrazzja minn qalbi lill-Imħallfin Robert Mangion u Abigail Lofaro li jaħdmu f'din il-Qorti.  Huwa sigriet magħruf li Imħallef li jkun assenjat f'din il-Qorti ma jgħaddux iktar minn tliet snin ta' ħidma li ma jibdhiex ibati minn burn-out u jħoss il-ħtieġa li jiġi rilokat f'Qorti oħra.  Ħafna nies li għandhom kawża quddiem dawn l-Imħallfin u li ma ngħatawx raġun fuq xi talba li setgħu għamlu probabbilment jinforjaw meta jaraw li jien qed nirringrazzja lil dawn iż-żewġ imħallfin.  Ma' min jinfurja ruħu jien ma naqbilx miegħu.  Dawn iż-żewġ imħallfin qed jagħmlu sagrifiċċju u jaqdu d-dover tagħhom b'impenn u integrità assoluta. 

It-tieni punt li rrid nagħmel hu li dawn iż-żewġ imħallfin qed jirnexxilhom jaqtgħu iktar kawżi milli fil-fatt jinfetħu f'din il-Qorti.  Mhijiex ċajta.  Il-litigji familjari fl-aħħar snin żdiedu, u magħhom żdiedu rimedji oħra bħad-divorzju li s'intendi ġġenera ammont mhux żgħir ta' kawżi.  Biss dawn iż-żewġ imħallfin għandhom Clearance Rate li qiegħda fil-pożittiv u jfisser li qed ilaħħqu mar-ritmu.  Ma jfissirx dan li qed ngħid li m'hemmx lok li jkun hemm imħallef ieħor f'din il-Qorti anke sabiex ix-xogħol jitqassam aħjar u jingħata iktar ċans li wieħed jidħol fid-dettall.

"Inweġġa' nisma’, pereżempju, min jgħidli li l-partijiet ikunu qablu għal separazzjoni bonarja iżda l-Avukat ikun dam tlieta, erba' xhur biex temm il-proċessi kollha"
It-tielet punt li rrid nagħmel hu li l-medjazzjonijiet fil-Qorti tal-Familja huma storja ta' suċċess.  Is-sistema mhijiex perfetta u meta ddaħlet il-Ministru ta' dak iż-żmien – Carm Mifsud Bonnici – kien iffaċċja kritika kbira.  Biss is-sistema qed taħdem u qed naraw li minn kull żewġ litigji li qed jidħlu, waħda qed tiġi solvuta bonarjament, jiġifieri bi ftehim.  Naturalment dan ma sarx b'kumbinazzjoni jew waħdu.  Sar għaliex għandna medjaturi tajbin, sar għaliex komplejna nibnu fuq it-tajjeb li sibna, sar għaliex komplejna ninvestu.  Jien irrid li nkompli ntejjeb din is-sistema li diġà tat ħafna tajjeb.

Ir-raba' punt hu li ħafna mill-persuni li jidħlu fil-Qorti tal-Familja huma nies li qatt ma daħlu l-Qorti qabel f'ħajjithom u li f'ħafna każijiet lanqas ikunu biss jiffrekwentaw id-dinja tax-xogħol. Għalhekk ix-xokk li jieħdu ikun kbir ħafna.  Litterament huma jsibu ruħhom f'pożizzjoni li jridu jistrieħu fuq il-fiduċja li jkollhom fuq l-avukati tagħhom.  U sintendi jkun hemm avukati li jaqdu d-doveri tagħhom bl-aħjar mod, u jkun hemm oħrajn li assolutament ma jaqdux.  Inweġġa' nisma’, pereżempju, min jgħidli li l-partijiet ikunu qablu għal separazzjoni bonarja iżda l-Avukat ikun dam tlieta, erba' xhur biex temm il-proċessi kollha. Naturalment min ikun kuntent bis-servizz tal-avukat ma jiġix jgħid lili u jien nisma' biss il-każijiet fejn l-affarijiet ikunu marru ħażin.  Biss hemm sitwazzjonijiet fejn jien qisthom inaċċettabbli u dderiġejt dak li jkun għad-drittijiet tiegħu.

Il-ħames punt hu li donnha nibtet il-ħrafa li fejn jidħlu ż-żewġ imħallfin li semmejt hemm ġudikant li hu jew hi favur il-mara u ġudikant li hu jew hi favur ir-raġel.  Sintendi kwistjoni ta' deċiżjonijiet ta' għoti ta' aċċess u manteniment huma kwistjonijiet li jimpattaw fuq dak li jkun b'mod b'saħħtu ħafna. Idealment affarijiet bħal dawn, li jolqtu mill-ġewwieni lill-partijiet u l-iżvilupp tagħhom, jiġu maqbula u jkunu l-partijiet stess li jiftiehmu dwar ħinijiet ta' aċċess u manteniment.  Biss meta ma jiftehmux, xi ħadd irid jaqta' bis-sikkina u jiddeċiedi u inevitabblment meta jkun hemm deċiżjonijiet bħal dawn, ħadd ma jkun kuntent.  Min ingħata l-manteniment jgħid li ngħata ftit u min ġie kkundannat iħallas jgħid li missu ngħata l-kura u kustodja hu.  Jien dejjem nipprietka li deċiżjonijiet bħal dawn għandhom ikunu motivati tajjeb ħafna mill-ġudikanti sabiex wieħed ikun jaf għala deċiżjoni tmur naħa u mhux oħra.  Digriet li semplicement jgħid: "ir-rikors ġie miċħud" mhuwiex aċċettabbli għax jagħti n-nar lill-perċezzjoni li d-digrieti jiġu deċiżi skont is-sess tal-persuna.  Naf li l-ġudikanti żviluppaw ħafna fuq dan il-punt u llum id-digrieti huma iktar motivati minn qatt qabel.

Is-sitt punt: qed ninnota li f'għadd ta' każijiet fil-mument li ġudikant jaħtar professjonist (li jissejjaħ perit legali jew assistent ġudizzjarju) biex jiġbor ix-xhieda hu sabiex il-kawża tgħaġġel, flok il-kawża tgħaġġel iktar tispiċċa tgħaġġel inqas. Waqt li l-ġudikant għandu s-seduti tiegħu trekkjati billi tidħol online u tara l-verbali, perit legali/assistant ġudizzjarju ma għandux dan il-livell ta' trasparenza impost fuqu u wisq nibża’ li din l-informalità qed twassal għal riżultati mhux sbieħ. Se nkunu qed nitkellmu mal-istakeholders sabiex naraw titjib dwar hekk.

Is-seba' punt: Irrid insemmi lill-Maġistrat Anthony Vella li jisma' l-każijiet kriminali marbuta mal-Qorti tal-Familja – essenzjalment il-każijiet fejn xi ħadd ma ħallasx il-manteniment meta suppost kellu jħallsu jew xi ħadd ma tax l-aċċess lill-parti l-oħra meta suppost kellu jagħtih. Għal darb'oħra dawn it-tip ta' seduti huma diffiċli u delikati ħafna. Qed nara żvilupp mill-Pulizija biex persuna mħarrka talli ma ħallsitx il-manteniment effettivament tittella' l-Qorti imma jrid isir iktar sabiex ma nħallu lil ħadd iġorr piż sproporzjonat.

Nista' nkompli nagħmel paġni u paġni oħra.  Irrid però nibgħat il-messaġġ li l-Gvern hu sensittiv dwar din il-Qorti.