Filmat | Joħroġ mill-università u jsib skrun ta' dgħajsa mal-bumper

Tliet sewwieqa xxukkjati hekk kif isibu li, b'xi mod, il-karozzi tagħhom 'tgħaffġu' ma' xulxin

Albert Gauci Cunningham / 13 ta' Marzu 2018 15:39
Il-karozzi maħbutin, ftit tal-mumenti ilu...
Student Universitarju taha għall-Facebook hekk kif wara lekċer fl-Università sab il-karozza tiegħu prattikament taħt dgħajsa li kienet ipparkjata quddiemu u ż-żewġ karozzi ta' warajh 'mgħaffġa' ġo xulxin. 

L-istudent allega illi xi ħadd kien 'ħa l-liġi b'idejh' u ressaq il-karozzi b'tali mod li dawn ħabtu ma' xulxin u kienu kkważati numru ta' ħsarat. 

Il-Pulizja ikkonfermaw l-inċident "stramb" u qalu lil dan is-sit illi t-tliet sidien bħalissa qed jagħmlu rapport lill-Pulizija biex issir l-investigazzjoni meħtieġa.

"Lanqas naf, għandix nidħaq jew nibki," sostna l-istudent in kwistjoni fil-messaġġ li ħalla fuq Facebook, filwaqt li qal li fuq il-post marru wkoll tliet gwardjani lokali li qalulu li dak li kien ġara 'ma kienx ta' jdejhom' u li allura kellhom bżonn iċemplu lill-Pulizija.  Il-Pulizija ma setgħux jikkonfermaw, għalissa, jekk fil-fatt kinitx vettura oħra li mbuttat lill-karozzi bil-konsegwenza li dawn spiċċaw f'xulxin.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.