Wirt iż-Żejtun tgħid li f’Bulebel jista’ jkun hemm fdalijiet ta’ knisja medjevali

ll-fdalijiet ta’ din il-knisja x'aktarx jinsabu fl-istess żona mhedda bl-iżvilupp

Yendrick Cioffi / 24 ta' Frar 2018 14:25
Riċerka li qed jagħmlu voluntiera u esperti ta’ Wirt iż-Żejtun, f’żona mhux żviluppata f’Bulebel, jista’ jkun li twassal biex jinstabu fdalijiet ta’ knisja medjevali li ilhom moħbija mill-għajn għal mijiet ta’ snin.

X’aktarx li l-fdalijiet ta’ din il-knisja, jinsabu fl-istess żona li fl-aħħar ġimgħat kienet fiċ-ċentru tal-attenzjoni wara li fuqha hemm propost li jinbnew fabbriki, bħala parti mill-estensjoni taż-żona industrijali ta’ Bulebel. Kienet il-gazzetta ILLUM li niżlet iż-Żejtun u ltaqgħet ma’ għadd ta’ bdiewa li kienu rċevew ittra biex jagħmlu spazju għall-fabbriki.

Skont informazzjoni ppubblikata fuq is-sit ta’ Wirt iż-Żejtun, din il-knisja tissemma f’dokumenti storiċi li jmorru lura għas-sekli 16 u 17 u spezzjoni li saret dan l-aħħar jista’ jkun li tefgħet aktar dawl fuq il-possibilità ta’ din l-iskoperta.

Dokument, dwar iż-żjara pastorali ta’ Monsinjur Pietro Duzina fl-1575, jirreferi għal knisja fil-kampanja li kienet iddedikata lil San Leonardu u mibnija fuq medda art li kienet propjetà tal-Gran Mastru.

Mons Duzina kien talab lill-Gran Mastru biex jieħu ħsieb din il-kappella li ma kellha l-ebda bieb, altar, rettur, dekorazzjoni jew xi forma ta’ dħul. 

F’dokumenti oħra dwar il-vista pastorali tal-Isqof Baldassare Cagliares fl-1627, hemm referenza għall-fatt li din l-knisja kienet abbandunata u magħluqa fl-1615. Dan id-dokument jgħid li l-knisja kienet tinsab fiż-żona magħrufa bħala “Tal-Qassasa ta’ Buleben.”

Dokumenti oħra dwar vista pastorali li saret fl-1600, isemmu lil ċertu Ganni Sammut li kien jieħu ħsieb din il-kappella. Il-kappella kienet tniżżlet bħala waħda mill-kappelli rurali li jaqgħu taħt il-parroċċa taż-Żejtun.

L-istess manuskrittijgħidu wkoll li quddiem din il-kappella kien hemm ċimiterju u kien hemm devozzjoni qawwija minn dawk li xi darba jew oħra esperjenzaw xi forma ta’ skjavitú. San Leonardu huwa l-patrun tal-iskjavi.

Wara li żewġ pubblikazzjoni, miktuba minn Kenneth Cassar u l-Professur Monsinjur Vincent Borg, tefgħu d-dawl fuq dawn id-dokumenti, il-voluntiera ta’ Wirt iż-Żejtun ikkonsultaw mapep antiki ta’ dan iż-żona.

Fil-fatt, f’mappa tas-seklu 17, tidher kappella ddedikata lil San Leonardu fiż-żona bejn Ħaż-Żabbar, Ħal Tarxien u ż-Żejtun. Minkejja dan ma kien hemm l-ebda referenza għaż-żona “Tal-Qassasa.”

F’mapep aktar riċenti, hemm referenza għal żona magħrufa bħala “It-Taqsis.” Din iż-żona għadha sal-lum mhux żviluppata u hija kkaraterizzata minn għelieqi u rziezet fi Triq il-Merħla. Din iż-żona tinsab ftit passi ‘l bogħod minn kumpless rurali li kien iffinanzjat mill-Gran Mastru Perellos u li kien skopert ftit tal-jiem ilu.

Il-voluntiera u l-esperti jispjegaw li x’aktarx, dawn iż-żewġ ismijiet, “Tal-Qassasa” u “It-Taqsis,” jirreferu għall-istess żona, ġaladarba l-ismijiet għandom l-istess għerq. Qassasa huwa nom li jirreferi għall-persuni li jaqtgħu jew iqasqsu filwaqt li Taqsis huwa nom li jirreferi għall-azzjoni nnifisha.

Il-voluntiera spjegaw li lilhinn minn ħajt fi Triq il-Merħla, fiż-żona mniżżla It-Taqsis, ġo għalqa privata, hemm struttura li l-arkitettura tixbah ħafna dik ta’ kappella rurali. 

Għalkemm il-binja tidher antika, hija żgħira wisq biex setgħet tintuża bħala knisja.

Il-voluntiera u l-esperti spezzjonaw iż-żona ta’ madwar l-istruttura għal xi fdalijiet u ġabbru bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu madwarha. Uħud minn dawkn imorru lura għal żmien il-Kavallieri filwaqt li oħrajn huma aktar moderni.

Wirt iż-Żejtun qed tisħaq li f’din iż-żona għandhom isiru aktar riċerki u studji arkeoloġiċi għax jista’ jkun li din il-knisja tinsab lesta biex tkun skoperta mill-ġdid.

Ħmistax ilu, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet mal-President ta’ Wirt iż-Żejtun, Ruben Abela, li kien insista li jekk isir l-iżvilupp propost f’din iż-żona, se jkun hemm telf agrikolu, storiku u bijoloġiku. Kemm il-Partit Nazzjonalista u anke l-Partit Demokratiku kienu talbu lill-Gvern biex ibiddel id-deċiżjoni tiegħu dwar din l-art. 

lI-Partit Laburista kien akkuża lill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Jason Azzopardi, li meta kien Ministru kien għadda din il-medda art lil Malta Industrial Parks.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru kien indika li l-Gvern se jipprova jsib bilanċ f’din il-kwistjoni billi tinstab art alternattiva għal dik li mmarkata għall-iżvilupp.